Kors ieħor tal-Malti għall-ġenituri

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-ġenituri li uliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji biex jattendu għat-tieni kors bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’ li qed jiġi organizzat apposta għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-Malti.

Il-kors se jsir jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, ħdejn l-iskola Marija Assunta, mill-5.30pm sas-7.30pm f’dawn il-jiem:

NOVEMBRU – l-Erbgħa 5, 12, 19, 26

DIĊEMBRU – il-Ġimgħa 3, 10

Inħeġġu lill-ġenituri biex matul il-kors iressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u wliedhom, speċjalment meta jkunu qed jagħtuhom daqqa t’id id-dar. Huwa importanti li l-ġenituri jgħaddu t-tagħrif korrett lil uliedhom u li jisħqu magħhom biex jiktbu b’Malti tajjeb.

Dawk kollha li jixtiequ jattendu dan il-kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in-numru tal-identità, u l-indirizz postali u elettroniku tagħhom lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, is-Sur David Agius-Muscat fuq: david.agius.muscat@ilearn.edu.mt sa nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Ottubru 2014. In-numru dirett tiegħu huwa 2598 2927.

Il-kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l-ewwel ħamsa u għoxrin li japplikaw.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

L-Innu Nazzjonali fl-iskejjel

F’serata li saret f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila, il-Ħamis 24 ta’ Ottubru 2014, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca rrimarkat kemm hu ta’ niket għaliha li tinnota kemm studenti Maltin ma jafux l-innu Malti.

Sostniet li “bħala ċittadini ta’ pajjiż li jgħożż l-identità, is-sovranità u l-istorja tiegħu, għandna nkunu kburin li aħna wkoll għandna l-Innu Nazzjonali tagħna li huwa msejjes fuq kliem li jgħaqqadna bħala Maltin, u mnebbaħ minn valuri ta’ solidarjetà li jsawwarna bħala poplu.”

Il-President saħqet li l-Innu Malti ma nkitibx b’kumbinazzjoni u li warajh għandu ġrajja tassew interessanti u li kull wieħed u waħda minna għandu jkun jafha. Kellu jkun it-tabib Robert Samut li meta mitlub ikanta l-innu ta’ pajjiżu ntebaħ li Malta ma kellhiex innu nazzjonali u tħajjar jikkomponi melodija huwa stess meta wasal lura f’pajjiżu mill-Università ta’ Edinburgh. Samut semma’ l-melodija tiegħu lil Dr A.V. Laferla, li kien Direttur tal-Iskejjel Elementari tal-Gvern, u minn naħa tiegħu, Laferla għadda l-kompożizzjoni lil Dun Karm – għax kellu stima kbira lejn il-poeta – biex jikteb kliem bil-Malti għaliha, bil-ħsieb li l-melodija u l-versi jibdew jitkantaw, bħala innu, mit-tfal tal-iskejjel tal-Gvern.

“Uliedna jeħtieġ li jżommu f’moħħhom u jiftakru tul għomorhom li qabelxejn aħna nies ta’ fidi u għandna ngħożżu l-identità tagħna: tradizzjoni qadima li għandna ngħożżuha bħala wirt tagħna kollha kemm aħna. Il-ħolma kbira li ħolmu missirijietna u ommijietna għandna ngħadduhielhom biex Malta tibqa’ Maltija, fl-ilsien u fil-qalb.”

Huwa għalhekk li faħħret lill-Akkademja tal-Malti u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni li stampaw kartelluni bl-Innu Malti biex jitqassmu fl-iskejjel Primarji u Sekondarji kollha kemm tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja u Indipendenti. ‘Il quddiem, l-iskejjel se jingħataw ukoll CD biex il-kliem ta’ Dun Karm u l-melodija ta’ Robert Samut jibqgħu mnaqqxa għal dejjem f’qalbna.

Il-President Coleiro Preca qalet li b’dawn l-għodod f’idejna, tittama li fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex jinstema’ mill-ġdid jidwi l-Innu Nazzjonali tagħna.

Ara l-istqarrija uffiċjali, maħruġa mill-Uffiċċju tal-President, minn hawn.

Żewġ antoloġiji ġodda – Arja Friska 1 u 2

Fl-iskola Medja tan-Naxxar (il-Kulleġġ Marija Reġina), nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru, saret it-tnedija ta’ żewġ antoloġiji ġodda ta’ novelli bil-Malti għall-istudenti tal-Ewwel u tat-Tieni Sena tas-Sekondarja.

Għal din it-tnedija kienu preżenti l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, u d-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Preżenti wkoll għat-tnedija kien hemm il-membri tal-bord tal-għażla tan-novelli taż-żewġ antoloġiji, kif ukoll xi għalliema u Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti.

L-antoloġiji bl-isem Arja Friska 1 u Arja Friska 2 huma maħsuba għall-istudenti tas-sekondarja, madankollu jistgħu jinxtraw ukoll minn skejjel oħra u mill-pubbliku mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

Il-ħtieġa li jkun hemm antoloġiji ta’ novelli li jieħdu gost jaqrawhom l-istudenti tal-iskejjel sekondarji kienet ilha tinħass fid-Dipartiment tal-Malti. Għalhekk, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu ħatar bord ta’ edukaturi magħmul minn membri tad-Dipartiment tal-Kurrikulu, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u għalliema tal-Malti. L-għalliema tal-iskejjel statali kienu wkoll mistiedna jissuġġerixxu ismijiet ta’ novelli.

Fl-għażliet tal-bord iddaħħlu xi ħrejjef u leġġendi popolari Maltin li dejjem saħħru lil qarrejja ta’ kull età. Intgħażlu wkoll novelli dwar karattri partikulari magħrufin u maħbubin mal-istudenti bħal Mastru Gerfex, ir-Ronnie u Ġaħan. Il-Bord ra li fl-antoloġiji jkun hemm ukoll stejjer adattati tal-iħirsa, novelli tal-fantaxjenza u novelli romantiċi li żgur jinżlu għasel mal-udjenza adolexxenti Maltija.

L-antaloġiji jinkludu awturi varji, bi wħud minnhom ġodda, b’kitbiet li jappellaw għal dawn l-etajiet, u b’temi kurrenti tas-soċjetà Maltija li qed jgħixu fiha l-istudenti tagħna.

Aktar milli kotba tal-iskola, dawn l-antoloġiji għandhom joffru “arja friska” fil-qari bil-Malti u jitqiesu bħala kotba li jħajruk għal aktar qari sabiħ bi lsienna.

Aktar kanzunetti bil-Malti għat-tfal

Għeżież għalliema u ġenituri, ħsibna li nilqgħukom għas-sena skolastika l-ġdida b’rigal ta’ sitt kanzunetti ġodda bil-Malti għat-tfal ċkejknin. Dan huwa frott proġett ieħor bejn id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Nirringrazzjaw lilhom it-tnejn u lill-awturi u l-kompożituri tas-sitt kanzunetti.

Dawn il-kanzunetti nħadmu apposta biex jitkantaw mit-tfal fil-klassijiet mal-għalliema, u fid-djar mal-ġenituri. Fil-fatt, fil-filmat ta’ kull kanzunetta tidher żigarella bil-kliem tagħha ħalli t-tfal ikunu esposti għall-kliem miktub. Nittamaw li kemm intom kif ukoll it-tfal tagħkom tieħdu gost bihom.

Sadattant, il-kanzunetti dehru fis-sit tal-aħbarijiet newsbook u aħna qed naħdmu biex intellgħu aktar kanzunetti ħelwin bħal dawn, bil-lingwa sabiħa tagħna!

Dawn t’hawn taħt huma biss tnejn minnhom, imma l-kanzunetti ssibuhom kollha fuq l-istazzjon tal-YouTube tagħna, ilsien pajjiżi. Għalhekk tistgħu tużawhom ukoll mat-tfal mit-tablet jew mill-ismartphone.

Tista’ tara wkoll iċ-ċirkulari fuq dan il-proġett, minn hawn.

DAWN HUMA BISS TNEJN, KEMM TIEĦU IDEA. HEMM ERBGĦA OĦRA JISTENNEWK, HAWN!