Fl-iskola Medja tan-Naxxar (il-Kulleġġ Marija Reġina), nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru, saret it-tnedija ta’ żewġ antoloġiji ġodda ta’ novelli bil-Malti għall-istudenti tal-Ewwel u tat-Tieni Sena tas-Sekondarja.
Għal din it-tnedija kienu preżenti l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, u d-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Preżenti wkoll għat-tnedija kien hemm il-membri tal-bord tal-għażla tan-novelli taż-żewġ antoloġiji, kif ukoll xi għalliema u Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti.
L-antoloġiji bl-isem Arja Friska 1 u Arja Friska 2 huma maħsuba għall-istudenti tas-sekondarja, madankollu jistgħu jinxtraw ukoll minn skejjel oħra u mill-pubbliku mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.
Il-ħtieġa li jkun hemm antoloġiji ta’ novelli li jieħdu gost jaqrawhom l-istudenti tal-iskejjel sekondarji kienet ilha tinħass fid-Dipartiment tal-Malti. Għalhekk, id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu ħatar bord ta’ edukaturi magħmul minn membri tad-Dipartiment tal-Kurrikulu, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u għalliema tal-Malti. L-għalliema tal-iskejjel statali kienu wkoll mistiedna jissuġġerixxu ismijiet ta’ novelli.
Fl-għażliet tal-bord iddaħħlu xi ħrejjef u leġġendi popolari Maltin li dejjem saħħru lil qarrejja ta’ kull età. Intgħażlu wkoll novelli dwar karattri partikulari magħrufin u maħbubin mal-istudenti bħal Mastru Gerfex, ir-Ronnie u Ġaħan. Il-Bord ra li fl-antoloġiji jkun hemm ukoll stejjer adattati tal-iħirsa, novelli tal-fantaxjenza u novelli romantiċi li żgur jinżlu għasel mal-udjenza adolexxenti Maltija.
L-antaloġiji jinkludu awturi varji, bi wħud minnhom ġodda, b’kitbiet li jappellaw għal dawn l-etajiet, u b’temi kurrenti tas-soċjetà Maltija li qed jgħixu fiha l-istudenti tagħna.
Aktar milli kotba tal-iskola, dawn l-antoloġiji għandhom joffru “arja friska” fil-qari bil-Malti u jitqiesu bħala kotba li jħajruk għal aktar qari sabiħ bi lsienna.