X’tgħid l-istatistika dwar it-tlissin ta’ “raha”

Nhar il-31 ta’ Ottubru 2013 l-Akkademja tal-Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tellgħu t-taħdita: Int kif tlissinha jaqraha? Il-kelliema kienet Christina Sammut li fit-teżi tagħha stħarrġet dan il-fenomenu lingwistiku fil-pronunzja innovattiva ta’ ċerti suffissi fil-Malti. Christina Sammut ibbażat ir-riċerka tagħha fuq Malta biss u spjegat li dan il-fenomenu huwa mifrux ħafna fost iż-żgħażagħ.

Fost l-oħrajn sabet li madwar 60% tal-parteċipanti fl-istħarriġ tagħha li għandhom bejn l-10 snin u l-15-il sena qed ilissnu jaqraħħa mhux jaqraa. Madwar 88% jlissnu jaqraħħulu u mhux jaqraulu. Min-naħa l-oħra, l-adulti u l-anzjani jlissnu l-iżjed il-pronunzja standard.

It-taħdita fetaħha l-Professur Albert Borg li fisser kif dan jiġri f’kull lingwa ħajja. Jista’ jkun li wieħed isibha iebsa biex jilqa’ t-tibdil, imma l-fatti rriċerkati juru li dan it-tibdil qed iseħħ gradwalment.

Wara l-preżentazzjoni ta’ Christina Sammut kien hemm diskussjoni. Wieħed mill-għalliema kien tal-fehma li huma għandhom jibqgħu jikkoreġu lill-istudenti waqt it-tlissin “żbaljat” tagħhom. Għalliema oħra semmiet kif xi xandara qed ikunu “mudelli ħżiena”.

Fl-aħħar tkellem il-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella, li rringrazzja lil Christina talli qasmet magħna r-riċerka u radd ħajr lit-tliet uffiċjali edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat li qed jappoġġjaw lill-Akkademja biex twassal lill-għalliema il-frott tar-riċerka fuq il-lingwa u l-letteratura.

 

Attività f’ġieħ Francis Ebejer

L-Għaqda tal-Malti – Università se torganizza attività oħra fis-serje filMalti, din id-darba biex tfakkar l-20 sena mill-mewt tad-drammaturgu Francis Ebejer. F’din l-attività se jintwerew siltiet mill-filmat tad-dramm Il-Ġaħan ta’ Binġemma, ta’ Francis Ebejer, u li fih tispikka t-tema tal-kontinwità. Id-diskussjoni li ssegwi se tiffoka fuq din it-tema (li tispikka wkoll fir-rumanzett għall-eżami taċ-ĊES, Il-Ħarsa ta’ Rużann). Din se titmexxa minn Dr Joseph Axiaq.

Minħabba r-rabta ta’ Francis Ebejer ma’ Ħad-Dingli, din l-attività se ssir fis-sala tal-Kulleġġ Savio fid-29 ta’ Novembru 2013 mill-5 sat-8 ta’ filgħaxija. Din l-attività hi ta’ interess partikulari għall-għalliema tas-sekondarja, għall-istudenti u għall-ġenituri tagħhom.

Tagħrif ieħor tistgħu tiksbuh mill-paġna tal-Facebook tal-Għaqda tal-Malti.

Poeżiji drammatizzati

Inroddu ħajr lill-poeta, drammaturgu u għalliem Mario Azzopardi tal-poeżiji drammatizzati li qed joħloq għall-għalliema u l-istudenti tal-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja. Prosit tassew!

L-ewwel tliet poeżiji drammatizzati qegħdin fil-paġna tal-Ewwel Sena. Tistgħu tużawhom mal-istudenti waqt il-lezzjonijiet tal-Malti.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkomplu ntellgħu aktar riżorsi bħal dawn.

Attivitajiet fl-iskejjel f’Jum Dun Karm

Nafu li bosta skejjel organizzaw attivitajiet differenti f’Jum Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali tal-Maltin. Aħna rċivejna ritratti mill-Iskola Sekondarja tas-Subien, Tal-Ħandaq tal-Kulleġġ San Injazju, mill-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq tal-Kulleġġ San Benedittu, mill-Iskola Sekondarja tal-Bniet, l-Imrieħel tal-Kulleġġ Santa Tereża, u mill-Iskola Primarja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola.

Ħajr u prosit lill-għalliema kollha u lill-assistenti kapijiet u kapijiet ta’ skejjel differenti li organizzaw dawn l-attivitajiet, partikolarment lil Ina Cutajar, Jacqueline Darmanin, Rita Dapi Vella, Saviour Sammut, Deo Grech, u Jonathan Portanier Mifsud li bagħtulna dawn ir-ritratti.