In-Nannu nesa x’jisimni

Nifirħu lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u lill-awtur Trevor Zahra għall-pubblikazzjoni In-Nannu nesa x’jisimni li qed titqassam fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.

L-għan ta’ dan il-ktieb hu li jgħin lit-tfal jitgħallmu aktar dwar id-dimensja u li jkisser perspettivi żbaljati dwar din il-kundizzjoni. Sikwit jiġri li r-riċerka ssir fuq l-internet u allura t-tfal mhux dejjem isibu materjal adattat għalihom. Problema oħra hi li t-tfal jafu jiltaqgħu ma’ materjal li ma jkunx miktub minn għajn awtorevoli u għal-livell tagħhom.

Fost il-mistoqsijiet li jqanqal u jwieġeb dal-ktieb, li qed jintuża wkoll fil-lezzjonijiet tal-PSD u l-Istudji Soċjali, insibu:

– X’inhi d-dimensja?
– Id-dimensja tista’ tittieħed?
– Għaliex l-individwu milqut iġib ruħu b’mod li jidher stramb?
– X’effetti tħalli fuq il-qraba u fuq l-individwu nnifsu d-dimensja?

Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni qed tkompli twassal messaġġ ta’ importanza għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Din is-sena l-Unjoni Ewropea ddedikatha għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Fis-sit tagħha fuq l-anzjanità attiva toffri wkoll pjanijiet tal-lezzjonijiet dwar kif l-iskejjel jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet.

Ara r-ritratti ta’ attività li saret dan l-aħħar fl-Iskola Primarja San Tumas More, Wied il-Għajn. Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Mario Galea tkellem fuq din l-inizjattiva sabiħa filwaqt li l-awtur tal-ktieb Trevor Zahra qara siltiet mill-ktieb u ddiskuta mal-istudenti l-kontenut tiegħu.

Mistoqsija u Tweġiba 25

Minn Olvin Vellastaqsi

Naf li l-kelma bijografija tinkiteb bil-j. Imma nixtieq inkun naf x’inhi r-regola ta’ żewġ vokali ħdejn xulxin.

Hekk hu. Niktbu bijografija mhux biografija. Imma idea mhux ideja.

Fil-Malti kienu jgħidulna li żewġ vokali ma joqogħdux fejn xulxin. Imma mhux il-każ għax niktbu: poeta, ideat, ateu.

Żewġ vokali nifirduhom b’j, bħal fil-kelma bijoloġija u Piju, meta l-ewwel vokali tinzerta i. Jekk l-ewwel vokali tkun u, nifirduhom b’w, bħal influwenza.

Din ir-regola ma tiġix applikata meta l-ewwel vokali (mit-tnejn li jkunu qed imissu flimkien) tkun it-tarf ta’ prefiss, bħal: riorganizzazzjoni, triangolu, biennali.

Nota: Tista’ taqra aktar dwar dan minn hawn.

Ballun Pinġut

Fl-okkażjoni tal-logħob tal-Ewro 2012, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti – b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports – nieda l-ktieb Ballun Pinġut ta’ Keith Attard. Fil-ktieb inġabar għadd ġmielu (930 b’kollox) ta’ espressjonijiet Maltin marbuta mal-logħba tal-futbol. L-awtur ġabar l-espressjonijiet kif semagħhom ħerġin b’mod naturali  minn fomm iż-żgħażagħ, huma u jilagħbu l-iskola u waqt it-taħriġ tal-klabbs. Ma’ dawn żied ukoll frażijiet oħra li semagħhom jingħadu mill-kummentaturi sportivi fuq il-mezzi tax-xandir.

Biex ix-xogħol ikun sewwa, kull kelma/espressjoni kkonfermaha ma’ numru ta’ informanti mill-iktar sitt kategoriji ewlenin tad-dinja tal-futbol: dik ta’ referì, plejer, kowċ, membru ta’ kumitat ta’ klabb, dilettant u ġurnalist. B’hekk l-użu ta’ kull espressjoni hemm xhieda tiegħu f’din il-pubblikazzjoni stess. L·awtur daħħal biss 10 espressjonijiet ġodda li ħass li kellu jipproponihom flok kliem ieħor li jintuża bl-Ingliż. Dawn jingħarfu sewwa għaliex huma indikati bil-kelma [proposta]. Illum, li b’riħet dan ix-xogħol kellu l-okkażjoni jaħdem ma’ xi ġurnalisti, l-awtur iħossu żgur li dawn se jiżnuhom bil-għaqal u, jekk jiswewlhom u jdoqqulhom, se jibdew iħaddmuhom.

Barra minn hekk, bl-għajnuna tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tneħħew dawk l-espressjonijiet li setgħu jinstemgħu dispreġjattivi fuq ix-xandir għax dan il-proġett fuq kollox sar bħala għajnuna għalihom għal meta jiġu biex jikkummentaw il-logħbiet.

Wara sentejn xogħol fuq din il-ġabra, l-awtur jifhem li xorta għad fadal x’jinġabar, għax l-ilsien Malti huwa akbar milli nimmaġinawh. Għalhekk, barra minn din il-pubblikazzjoni qed jibni ġabra oħra li jkun fiha l-kliem li tħalla barra, bil-ħsieb li dan imbagħad isib postu f’edizzjoni mkabbra.

Jekk trid tara l-ktieb idħol fis-sit tal-Kunsill tal-Malti. Jekk tixtieq tieħu sehem fid-diskussjoni li għaddejja fuq l-espressjonijiet tal-futbol tista’ tgħid tiegħek ukoll fil-paġna tal-Facebook ‘Ballun Pinġut’.

Prosit lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-awtur għal din il-pubblikazzjoni tassew sabiħa.

Ħatra ta’ Kapijiet tad-Dipartiment

Nifirħu lil Abijel Dingli u lil Sharon Micallef Cann li nħatru Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku.

Sharon tgħallem fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, iż-Żejtun, li tagħmel mal-Kulleġġ San Tumas More. Abijel jgħallem fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Mosta, fil-Kulleġġ Marija Reġina. Għalhekk, il-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti li jaħdmu fit-taqsima tal-primarja u l-ħiliet bażiċi tal-ewwel sena sekondarja huma: Marlon Barbara, Ina Cutajar, Abijel Dingli u Sharon Micallef Cann.

Nirringrazzjawhom tal-ħidma kbira li qed iwettqu b’risq it-tagħlim ta’ lsienna.

Mistoqsija u Tweġiba 24

staqsiMinn Olvin Vella

Il-għala l-ewwel sentenza ta’ hawn taħt hi ħażina u t-tieni waħda hi tajba?

1. Baqa’ m’applikax minħabba li bqajt m’infurmajtux bl-avviż.
2. Baqa’ m’applikax minħabba li bqajt ma infurmajtux bl-avviż.

Kieku kellna llissnu ż-żewġ sentenzi, ninnutaw li l-“ma” tan-negattiv (mingħajr appostrofu) quddiem “infurmajtu” ma titqassar qatt. Fi kliem ieħor, ma nistgħux ngħidu “m’infurmajtux” jew “m’investiex”.

Għalhekk f’waħda mir-regoli tal-ortografija żdiedet nota importanti (hawn taħt bil-blu).

Qabel kliem li jibda bil-vokali, bil-għ jew bl-h, il-ma tan-negattiv tista’ tinkiteb sħiħa ma jew imqassra m’.
eż. ma hemmx / m’hemmx
      ma hawnx / m’hawnx
      ma għandux / m’għandux 
      ma hemiżx / m’hemiżx
      ma afdax / m’afdax

Nota: Dan ma jgħoddx għall-verbi ta’ nisel barrani li z-zokk tagħhom fil-Malti jibda bil-vokali i. Eż. ma infurmatx, ma interroganix. Deċiżjonijiet 1, regola 3.2.4