Ballun Pinġut

Fl-okkażjoni tal-logħob tal-Ewro 2012, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti – b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports – nieda l-ktieb Ballun Pinġut ta’ Keith Attard. Fil-ktieb inġabar għadd ġmielu (930 b’kollox) ta’ espressjonijiet Maltin marbuta mal-logħba tal-futbol. L-awtur ġabar l-espressjonijiet kif semagħhom ħerġin b’mod naturali  minn fomm iż-żgħażagħ, huma u jilagħbu l-iskola u waqt it-taħriġ tal-klabbs. Ma’ dawn żied ukoll frażijiet oħra li semagħhom jingħadu mill-kummentaturi sportivi fuq il-mezzi tax-xandir.

Biex ix-xogħol ikun sewwa, kull kelma/espressjoni kkonfermaha ma’ numru ta’ informanti mill-iktar sitt kategoriji ewlenin tad-dinja tal-futbol: dik ta’ referì, plejer, kowċ, membru ta’ kumitat ta’ klabb, dilettant u ġurnalist. B’hekk l-użu ta’ kull espressjoni hemm xhieda tiegħu f’din il-pubblikazzjoni stess. L·awtur daħħal biss 10 espressjonijiet ġodda li ħass li kellu jipproponihom flok kliem ieħor li jintuża bl-Ingliż. Dawn jingħarfu sewwa għaliex huma indikati bil-kelma [proposta]. Illum, li b’riħet dan ix-xogħol kellu l-okkażjoni jaħdem ma’ xi ġurnalisti, l-awtur iħossu żgur li dawn se jiżnuhom bil-għaqal u, jekk jiswewlhom u jdoqqulhom, se jibdew iħaddmuhom.

Barra minn hekk, bl-għajnuna tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tneħħew dawk l-espressjonijiet li setgħu jinstemgħu dispreġjattivi fuq ix-xandir għax dan il-proġett fuq kollox sar bħala għajnuna għalihom għal meta jiġu biex jikkummentaw il-logħbiet.

Wara sentejn xogħol fuq din il-ġabra, l-awtur jifhem li xorta għad fadal x’jinġabar, għax l-ilsien Malti huwa akbar milli nimmaġinawh. Għalhekk, barra minn din il-pubblikazzjoni qed jibni ġabra oħra li jkun fiha l-kliem li tħalla barra, bil-ħsieb li dan imbagħad isib postu f’edizzjoni mkabbra.

Jekk trid tara l-ktieb idħol fis-sit tal-Kunsill tal-Malti. Jekk tixtieq tieħu sehem fid-diskussjoni li għaddejja fuq l-espressjonijiet tal-futbol tista’ tgħid tiegħek ukoll fil-paġna tal-Facebook ‘Ballun Pinġut’.

Prosit lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-awtur għal din il-pubblikazzjoni tassew sabiħa.