Kidane fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi

Nifirħu lis-Sa Marija Montebello, il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, u lill-istaff tal-iskola u tal-Kulleġġ San Benedittu taħt id-direzzjoni tas-Sa Marylin Sciortino, il-Prinċipal, li flimkien mal-Jesuit Refugee Service – Malta (JRS) organizzaw attivitajiet għat-tfal tal-primarja, bil-ħsieb li jkomplu joħolqu kuxjenza kontra r-razziżmu.

Prosit li kull min ta sehmu u jalla naraw aktar minn dawn l-attivitajiet sbieħ. Din l-inizjattiva hi parti minn proġett tal-JRS li permezz tiegħu ħareġ ukoll ktieb bil-Malti għat-tfal miktub minn Clare Azzopardi u bl-illustrazzjonijiet ta’ Marisa Attard, bl-isem Kidane – Ġrajja ta’ Tama, u li l-istorja tiegħu hija ispirata mill-ġrajja vera ta’ Goitom Yosief.

Dan  il-ktieb qed jitqassam b’xejn mill-JRS. Tagħrif ieħor tista’ tiksbu minn hawnhekk.

 

L-għanja ta’ għeluq sninek bil-Malti

FERĦ U AWGURI

Il-kanzunetta tal-Happy Birthday famuża mad-dinja kollha. Kulħadd ikantaha bil-lingwa tiegħu u aħna ħsibna fil-verżjoni Maltija, kif jixraq.

Mela meta xi ħadd jagħlaq sninu, inkantawlu hekk (fuq l-istess melodija):

Ferħ u awguri f’dal-jum,
għeluq sninek illum.
Ferħ u awguri lil …
Ferħ u awguri f’dal-jum!

L-għanja ssibha bil-melodija minn hawn (ppt).

Magħha ħriġna wkoll “Qalbu Tajba” u “Qalbha Tajba”, il-verżjoni Maltija tal-melodija For He’s a Jolly Good Fellow.

Tista’ tisma’ t-tliet kanzunetti u tkanta magħhom ukoll (karaoke), f’xi festin jew fil-klassi mat-tfal, minn hawn taħt. L-istess kanzunetti ssibhom fil-YouTube.

Nirringrazzjaw lil Manwel Mifsud li ħa ħsieb il-verżjoni bil-Malti tat-tliet kanzunetti.

 

Laqgħat ma’ aktar minn 250 ġenitur

Wasalna f’nofs is-sena skolastika u nieħdu pjaċir li f’dawn l-ewwel xhur kellna l-opportunità li niltaqgħu mhux biss ma’ ħafna għalliema li qed jgħallmu fil-primarji imma wkoll mal-ġenituri li qed jibagħtu lil uliedhom fl-iskejjel primarji.

F’Novembru tal-2011 iltqajna darbtejn ma’ 50 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja tal-Qrendi, fil-Kulleġġ San Benedittu. Nirringrazzjaw lill-Kap tal-Iskola, is-Sur Karm Pace. Fl-istess xahar iltqajna ma’ 120 ġenitur li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola primarja taż-Żejtun, immexxija mis-Sur Brian Craus, u ta’ dan nirringrazzjawh. Nhar it-13 ta’ Frar 2012 iltqajna ma’ 60 ġenitur li wliedhom imorru fl-iskejjel primarji tal-Kulleġġ Santa Klara. Nirringrazzjaw lill-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sa Maria Ciappara, ta’ din l-opportunità sabiħa.

F’dawn il-laqgħat mal-ġenituri tkellimna dwar l-ilsien sabiħ tagħna u fl-istess waqt indirizzajna xi diffikultajiet li jsibu waqt li jkunu qed jagħtu daqqa t’id lil uliedhom fit-taħriġ tad-dar. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li jkollna laqgħat bħal dawn u kull darba nagħmlu kuraġġ bl-interess li l-ġenituri għandhom għal ilsienna.

Laqgħat mal-għalliema tal-primarja

Tul dawn l-aħħar erba’ snin iltqajna mal-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji tal-Istat, kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Iltaqjna u tkellimna dwar ilsienna u ffukajna l-aktar fuq l-ortografija tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-Prinċipali kollha li stidnuna u lill-Kapijiet, l-Assistenti tagħhom u lill-għalliema kollha tal-iskejjel li tawna l-appoġġ tagħhom.

Nirringrazzjaw ukoll lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li dejjem sibnieh biex jagħtina l-għajnuna tiegħu. Ħafna drabi dawn il-laqgħat għamilniehom flimkien mal-Professur Manwel Mifsud, ma’ Dr George Farrugia u mas-Sur Olvin Vella, ilkoll letturi tal-Malti fl-Università ta’ Malta u membri tal-istess Kunsill. Grazzi wkoll lill-ħbieb tagħna Thomas Pace, Lawrence Deguara u Karl Scicluna li sibniehom dejjem meta tlabniehom.

Din is-sena skolastika reġgħu stidnuna l-iskejjel tal-Qrendi u taż-Żejtun. Huwa dejjem ta’ pjaċir għalina li nitkellmu magħkom fuq ilsienna.

Ħajr

Nirringrazzjaw lis-Sa Corinne Micallef, LSA fl-Iskola Primarja Stella Maris ta’ Ħal Balzan, li għoġobha taqsam magħna u mal-għalliema xi preżentazzjonijiet minn tagħha. Dawn issibuhom fit-taqsima “Ir-Riżorsi” tat-Tieni Sena.

Nieħdu gost nisimgħu u nirċievu mingħandkom. Jekk tixtiequ tikkuntattjawna, agħmlu dan minn hawn.

Naturalment, kulma tgħaddulna jitla’ fil-blogg f’isimkom.

Grazzi.