Nhar il-Ħamis 15 ta’ Marzu, il-komunità tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, laqgħet fostha l-membri tal-Għaqda Poeti Maltin. L-Iskola u l-Għaqda tellgħu flimkien attività letterarja biex ifakkru l-ħamsin sena mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri, magħruf kemm bħala l-Poeta tal-Madonna kif ukoll tal-Ilsien Malti. Mistiedna għal din l-attività kien hemm il-ġenituri u l-ħbieb tal-iskola li għandhom għal qalbhom il-letteratura Maltija.
Il-President tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Charles Magro fetaħ din l-attività. L-istudenti tar-raba’ u l-ħames sena qraw u animaw diversi poeżiji mill-antoloġija ta’ Patri Anastasju. It-tfal qraw ukoll siltiet ta’ riċerka li għamlu fuq dan il-poeta Malti. Is-Segretarju tal-Għaqda, is-Sur Salvu Sammut qasam mat-tfal informazzjoni fuq il-ħajja tal-poeta, filwaqt li l-Assistenta Kap tal-Iskola, is-Sa Bernardette Mercieca spjegat il-benefiċċji tal-poeżija fl-iżvilupp letterarju tat-tfal. Din l-attività kienet parti integrali mill-Pjan għall-Iżvilupp tal-Iskola li qed jiffoka fuq il-kompetenzi tal-lingwi fost il-komunità skolastika.
Għal tagħrif ieħor fuq Patri Anastasju Cuschieri ara din il-kartolina, il-bijografija tiegħu, u s-sit tal-anniversarju.
Ta’ kull sena, fil-21 ta’ Frar, l-UNESCO tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna. It-tema ta’ din is-sena hija “Il-Lingwa Materna bħala l-Lingwa ta’ Struzzjoni u Inklużjoni fl-Edukazzjoni”.
Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Frar 2012, fis-6.30pm, l-Akkademja tal-Malti se ttella’ taħdita fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, il-Belt, fuq Ninu Cremona kittieb u studjuż tal-Malti f’għeluq l-40 sena minn mewtu. It-taħdita, bl-isem “Ninu Cremona, Ħajtu u Ħidmietu”, se jagħmilha s-Sur Joe Camilleri.
Nifirħu lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li fil-5 ta’ Frar 2012 semma s-sala tal-iskola primarja ta’ dan ir-raħal sabiħ għal Ġanni Cilia, edukatur u kittieb, magħruf bħala “is-Surmast”.
Jum Dun Karm se jsir il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011. Se tkun okkażjoni speċjali għax minbarra t-tqegħid tal-fjuri bħas-soltu fuq il-monument tal-Poeta Nazzjonali, se tittella’ wkoll għodwa f’ġieħu fis-sala ewlenija tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana.