Mużika Tradizzjonali Maltija għall-Iskejjel

Il-festival mużikali Għanafest huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-apprezzament tal-mużika tradizzjonali Maltija fost it-tfal. Għalhekk nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Ġunju 2012, fid-9.30am l-Għanafest se jippreżenta programm speċjali ta’ għana għall-iskejjel. Dan il-programm jinkludi sessjoni interattiva mal-għannej Joey Grech (ta’ Raħal Ġdid), li se jgħanni spirtu pront fuq temi u suġġetti li jagħżlulu t-tfal stess.

Taqsima popolari oħra hija dik tad-daqq taż-żaqq u t-tanbur, fejn it-tfal jiġu mistiedna fuq il-palk biex jitħarrġu fid-daqq tat-tanbur. Se jindaqqu wkoll prejjem Maltin addattati għat-tfal.

L-istudenti huma mħeġġa jipparteċipaw. Il-programm se jkun ippreżentat minn Francesca Zarb, tfajla ta’ 17-il sena li hi magħrufa mat-tfal Maltin. Kull min jattendi jingħata materjal informattiv li jista’ jintuża għall-proġetti tal-iskola.

Ma jonqosx ukoll biljett kumplimentari għat-tliet serati tal-festival.

Ara wkoll it-tagħrif fuqha mill-paġna taċ-ċirkularijiet (Ċirkulari 94/2012).

Mistoqsijiet fuq l-Ortografija Maltija 1

L-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti, David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat, organizzaw sessjoni ta’ tweġib għal mistoqsijiet dwar problemi pendenti fuq l-ortografija tal-Malti.

Is-sessjoni saret fis-27 ta’ April 2012, mill-5.30 sas-7 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u mexxieha s-Sur Carmel Azzopardi, il-President tal-Akkademja tal-Malti u awtur ta’ diversi kotba.

Għaliha attendew b’mod volontarju numru sabiħ ta’ għalliema tal-primarja u s-sekondarja mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti u staqsew il-mistoqsijiet tagħhom fuq l-ortografija Maltija.

L-għalliema li għandhom mistoqsijiet dwar l-ortografija tal-Malti huma mħeġġin jaraw it-taqsima tal-Ortografija li hemm fuq il-ġenb tal-lemin ta’ dan is-sit. Hemmhekk kontinwament intellgħu l-mistoqsijiet l-aktar komuni tal-għalliema. Jekk ma ssibx tweġiba minn hemm, tista’ tibagħtilna l-mistoqsija tiegħek.

Ara wkoll it-tagħrif fuq din l-attività mill-paġna taċ-ċirkularijiet (Ċirkulari 77/2012).

Sorpriża lill-President ta’ Malta

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti flimkien mad-Dipartiment tal-Malti tal-Primarja tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ppreżentaw lill-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-E.T. Dr George Abela, l-għanja bil-Malti tal-Ferħ u Awguri (Happy Birthday) fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu.

Il-Kor Anima mmexxi mis-Sa Marlene Gatt kanta l-għanja tal-Ferħ u Awguri miktuba minn Manwel Mifsud fuq il-melodija tradizzjonali tal-Happy Birthday u l-għanja Qalbhom Tajba fuq il-melodija tradizzjonali ta’ He’s a Jolly Good Fellow.

Fl-istess okkażjoni l-President ingħata ċart, bil-kliem tal-istess żewġ għanjiet, iddisinjata minn Trevor Żahra u ppubblikata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Din l-okkażjoni saret bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President.

Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li fost id-diversi verżjonijiet b’lingwi barranin ta’ dawn iż-żewġ għanjiet popolari ferm madwar id-dinja, ikun hemm ukoll il-verżjoni Maltija biex tintuża fl-iskejjel u f’okkażjonijiet festivi oħra.

Iċ-ċart u d-diska kompatta bl-għanjiet, li ġiet irrekordjata għand Lito’s Place bl-ilħna tat-tfal tal-Proġett Kreattiv ta’ Ħal Safi akkumpanjati mill-Mro Dominic Galea, se jitqassmu lil kull klassi tal-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.

Għandek xi diffikultà fl-ortografija?

L-Akkademja tal-Malti se torganizza sessjoni li fiha se jkunu mwieġba d-diffikultajiet tal-għalliema fuq l-ortografija Maltija. Din se ssir il-Ġimgħa, 27 ta’ April 2012, mill-5.30pm sas-7pm fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se titmexxa mis-Sur Carmel Azzopardi.

L-għalliema tal-primarja u s-sekondarja mħeġġin jattendu u jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom fuq l-ortografija tal-Malti. Napprezzaw ħafna jekk il-mistoqsijiet jintbagħtu minn qabel lis-Sur Azzopardi f’dan l-indirizz ħalli jkun jista’ jitkellem direttament dwarhom dakinhar ta’ din is-sessjoni. L-għalliema jistgħu jistaqsuh xi mistoqsijiet dak il-ħin ukoll.

Kulħadd huwa mistieden jattendi u l-attendenza hija bla ħlas.
 
Is-Sur Carmel Azzopardi hu l-President tal-Akkademja tal-Malti u kien għalliem tal-Malti għal ħafna snin. Huwa kittieb u jispeċjalizza fl-ortografija Maltija.
 
Fuq din is-sessjoni nħarġet din iċ-ċirkulari għall-iskejjel.

Għal tagħrif ieħor dwar din is-sessjoni u għal aħbarijiet oħra dwar il-lingwa Maltija tista’ tara wkoll is-sit tal-Akkademja tal-Malti.

Il-Ġens Grammatikali fil-Malti

Taħdita organizzata mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università.

It-taħdita se ssir minn Dr George Farrugia nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Marzu 2012, fis-6:30pm fis-Sala EB1, l-Università ta’ Malta.

Din it-taħdita tinteressa lil kull min għandu għal qalbu l-iżvilupp ta’ lsienna, speċjalment l-għalliema tal-Malti.

Għal tagħrif ieħor ara din iċ-ċirkulari.