L-Aċċent

L-Aċċent huwa rivista fuq ilsienna maħduma minn tradutturi li qegħdin jaħdmu ma’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu u fi Brussell. Ir-rivista toħroġ mid-Dipartiment tal-Ilsien Malti tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rivista tagħtina tagħrif interessanti fuq il-Malti u nħeġġukom tidħlu fiha minn hawn.

Il-lista tal-qari supplimentari 2014

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu ħareġ il-lista ta’ kotba għall-qari supplimentari bil-Malti (stejjer u poeżiji) għall-iskejjel tal-Primarja tal-Istat għall-2014. Din il-lista għandha tkun ta’ għajnuna biex ikompli jissaħħaħ il-litteriżmu fit-tfal tal-Primarja u biex, bis-saħħa tagħha, ikunu jistgħu jingħażlu kotba supplimentari għall-klassijiet jew għal-libreriji tagħhom, jew għal qari ieħor waqt il-lezzjonijiet tal-Malti.

L-għażla tal-kotba saret wara s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta’ Frar 2013, paġna 826, biex dawk kollha interessati jibagħtu l-kotba tagħhom ħalli jkunu evalwati minn bord ta’ edukaturi. Fil-bord kien hemm rappreżentanti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u għalliema.

Dan il-bord mexa fuq il-kriterji mniżżlin f’din iċ-ċekkjatura.

Id-Dipartiment tal-Malti jgħarraf li s-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern hija miftuħa u kull min jixtieq jissottometti l-kotba tiegħu għall-evalwazzjoni huwa mitlub jagħmel dan skont ir-referenza tal-Gazzetta tal-Gvern imsemmija.

Linji Gwida għall-Eżamijiet tal-Malti

L-għalliema kollha tar-Raba’ u tal-Ħames Sena tal-Primarja huma mitluba jaraw il-linji gwida t’hawn taħt fuq it-tfassil u t-tqassim tal-karti tal-eżamijiet annwali tal-Malti għal tmiem din is-sena skolastika, maħruġin mid-Dipartiment tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.

Dawn il-linji gwida jistgħu jintużaw mill-iskejjel jew mill-kulleġġi biex ifasslu l-karti tal-eżamijiet tal-Malti ta’ nofs is-sena.

Min għandu xi diffikultà jista’ jikkuntattja lill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti skont il-kulleġġi.

Linji Gwida għar-Raba’ Sena tal-Primarja

Linji Gwida għall-Ħames Sena tal-Primarja

Kalendarju bil-Malti għall-Primarja

Fit-8 ta’ Mejju li għadda, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Fondazzjoni HSBC Malta nedew il-kalendarju bil-Malti għall-Primarja. It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Marsa mat-tfal u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għaliha attendew il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Prof. Ray Fabri, u s-Sa Sarah Watkinson, Viċi Kap tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Preżenti wkoll kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, James Camilleri u s-Segretarja tal-Fondazzjoni HSBC Malta, Doriette Camilleri.

Dan il-kalendarju tad-drapp tħallas mill-Fondazzjoni HSBC Malta u sar bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-ilsien Malti ma’ wliedna sa minn età ċkejkna. Fil-fatt, tfassal apposta għal etajiet żgħar u se jgħin fit-tagħlim tal-ismijiet tal-ġranet tal-ġimgħa, tax-xhur u tal-istaġuni bil-Malti, kif ukoll fit-tagħlim tan-numri u tal-espressjonijiet Maltin li bihom niddeskrivu t-temp. Huwa riżorsa multisensorjali li għandha tgħin lit-tfal tal-primarja jitgħallmu l-Malti b’mod divertenti. Il-kalendarju joffri logħba għall-istudenti billi, ta’ kull filgħodu, jaġġornaw id-data u t-temp, malli jidħlu fil-klassi.

Il-kalendarju se jitqassam f’din is-sena skolastika u matul is-sena li ġejja lil kull klassi tal-Ewwel Sena u lil numru ta’ libreriji fl-istess skejjel. It-tir ewlieni tad-Dipartiment tal-Malti huwa li jkompli joffri riżorsi kkuluri u sbieħ, bħal dan il-kalendarju, bil-Malti lill-istudenti u l-għalliema tagħna.

Grazzi lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-Fondazzjoni HSBC Malta tal-appoġġ tagħhom f’din l-inizjattiva.