Kors għall-ġenituri fuq l-ortografija

Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-ġenituri li uliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji biex jattendu kors qasir bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’. Dan hu mmirat għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-Malti.

Il-kors se jsir jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC) l-Ħamrun, ħdejn l-iskola Marija Assunta, mill-5pm sas-7pm f’dawn il-jiem:

MEJJU – il-Ġimgħa 16, 23, 30

ĠUNJU – il-Ġimgħa 6, 13, 20

Inħeġġu lill-ġenituri biex matul il-kors iressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u wliedhom, speċjalment meta jkunu qed jagħtuhom daqqa t’id id-dar. Huwa importanti li l-ġenituri jgħaddu t-tagħrif korrett lil uliedhom u li jisħqu magħhom biex jiktbu b’Malti tajjeb.

Dawk kollha li jixtiequ jattendu dan il-kors għandhom jibagħtu ittra elettronika b’isimhom u kunjomhom, in-numru tal-identità, u l-indirizz postali u elettroniku tagħhom lill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti, is-Sur David Agius-Muscat fuq: david.agius.muscat@ilearn.edu.mt sa nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Mejju 2014. In-numru dirett tiegħu huwa 2598 2927.

Il-kors huwa bla ħlas u se jingħażlu l-ewwel ħamsa u għoxrin li japplikaw.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Taħdita fuq l-ortografija għall-għalliema

Fit-2 ta’ Mejju ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, id-Dipartiment tal-Malti tad-Direttorat tal-Edukazzjoni u l-Akkademja tal-Malti tellgħu taħdita interessanti għall-għalliema tal-Primarja u s-Sekondarja fuq l-ortografija ta’ lsienna.

Il-kelliem kien Dr George Farrugia, lettur tal-Malti fl-Università u l-Viċi President tal-Akkademja. Huwa tkellem fuq il-prinċipji ewlenin tal-ortografija u wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-għalliema preżenti.

Nirringrazzjaw lill-Akkademja tal-Malti li qiegħda tagħtina l-appoġġ kontinwu tagħha u nirringrazzjaw lill-għalliema li attendew. Taħditiet bħal dawn jgħinuna nibqgħu aġġornati fuq is-suġġett li ngħallmu u jfakkruna kemm aħna, bħala edukaturi, għandna nkunu dejjem attenti biex nagħtu tagħrif preċiż lill-istudenti li ngħallmu.

L-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti

Nixtiequ ngħarrfukom li r-responsabbiltajiet tal-Uffiċjali Edukattivi David Agius-Muscat, George Mifsud u David Muscat issa jinkludu wkoll l-aħħar tliet snin tas-Sekondarja. Għalhekk issa huma responsabbli mit-tagħlim tal-Malti tas-Snin Bikrin, tal-Primarja u tas-Sekondarja kollha.

It-tqassim tal-kulleġġi flimkien mal-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti abbinati magħhom tistgħu tarawhom hawnhekk.

Staqsini u nwieġbek fuq l-ortografija

Id-Dipartiment tal-Malti u l-Akkademja tal-Malti qed jorganizzaw taħdita għall-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja fuq id-diffikultajiet li jista’ jkollhom fuq l-ortografija tal-Malti.

L-attività se jmexxiha Dr George Farrugia, lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

It-taħdita se ssir nhar it-2 ta’ Mejju 2014 mill-5.00 sas-6.30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (National Curriculum Centre), il-Ħamrun.

Napprezzaw ħafna jekk id-diffikultajiet li għandkom fuq l-ortografija tibagħtuhom minn qabel lil Dr George Farrugia ħalli jkun jista’ jitkellem dwarhom dakinhar tat-taħdita. L-għalliema jistgħu jistaqsuh mistoqsijiet dak il-ħin ukoll.

Id-dħul huwa b’xejn.

Tagħrif ieħor issibuh f’din iċ-ċirkulari.

Kors fil-kompetenzi ewlenin

Fis-17, it-18 u d-19 ta’ Frar organizzajna kors ta’ aġġornament fil-kompetenzi ewlenin fit-tagħlim tal-Malti.

Attendew għadd ta’ għalliema minn skejjel differenti u l-kelliema taw tagħrif fuq kif nistgħu ngħallmu lil studenti li għandhom bżonnijiet speċjali fil-litteriżmu.

Min ikollu diffikultà jew ikun jixtieq jaqsam l-esperjenza tiegħu magħna, nitolbuh jikkuntattjana.