Mistoqsija u Tweġiba 27

Minn Olvin Vellastaqsi

Kif għandna llissnu bieb, bard u messaġġ? Għandna llissnuhom kif niktbuhom?

Dawn it-tliet kelmiet illissnuhom biepbart u messaċċ. Il-kitba Maltija, għalkemm imsejsa fuq il-fonetika, titbiegħed minnha wkoll. Altru niktbu u altru llissnu.

Meta l-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż jaqgħu f’tarf il-kelma, illissnuhom p, t, ċ, f, k, s.

Niktbu Illissnu
trab trap
ħadid ħadit
taraġ taraċ
ċriev ċrief
spag spak
pajjiż pajjis

Il-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż huma mleħħnin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom konsonanti qawwija).

Il-konsonanti p, t, ċ, f, k, s huma mniffsin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom rotob).

Waħda mir-regoli fonoloġiċi tal-Malti Modern titlob li meta konsonanti mleħħna taqa’ f’tarf il-kelma, titniffes. Mela nikteb naqbeż imma llissen naqbes.

Ilsna oħra li għandhom din ir-regola huma l-Ġermaniż u l-Olandiż. L-Ingliż m’għandux din ir-regola u fit-tlissin jagħżel, ngħidu aħna, bejn bed u bet, leave u leaf.

Kurjuż għal aktar…

Innota li hawn fuq semmejt il-Malti Modern. Għax tajjeb li ngħidu li din ir-regola daħlet fis-seħħ madwar is-seklu 16. Qabel, il-Maltin kienu jlissnu bieb u bard, kif għadhom ilissnu l-Għarab sal-lum.

U kif nafu dan fuq il-Malti Qadim? B’xorti tajba, id-dokumenti tan-nutara tas-sekli 15-16 fihom eluf ta’ ismijiet ta’ għelieqi bil-Malti, li dak iż-żmien kien għadu jinkiteb kif jinħass. Fost l-ismijiet insibu chabel isayed (għalqa: Ħabel is-Sajjied, 1539), ginen il harib (Ġnien il-Għarib, 1498). Ħames mitt sena ilu l-Maltin kienu jitkellmu xorta oħra.

Mistoqsija u Tweġiba 26

Minn Olvin Vellastaqsi

Meta nikteb titlu ta’ silta għat-taħriġ il-fehem, nikteb il-kliem kollu b’ittra kbira, minbarra l-artiklu u l-prepożizzjonijiet?

Ma teżistix regola fuq dan, iktar hi kwistjoni ta’ stil. Rajt kemm-il darba min jikteb il-kelmiet qosra b’ittra żgħira wkoll, bħal “Ħolma li Ħlomt”.

Forsi l-eħfef triq għal kulħadd tkun li niktbu l-ewwel ittra tas-sentenza b’ittra kbira u l-bqija kollox żgħir, bħal “Marika tixtieq trabbi annimal tad-dar”.

Hija għażla ħafifa u korretta.

Versi bil-Malti għas-snin bikrin

 

Stedina għal versi sbieħ bil-Malti għat-tfal iż-żgħar

 

 
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni  u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qegħdin jaħdmu id f’id fuq proġett ġdid li għandu jwassal l-ilsien Malti bl-aktar mod pjaċevoli u informali għand l-istudenti fl-iżgħar etajiet.

Għalhekk waqqfu Kumitat flimkien u qed jistiednu lil kull min għandu poeżiji jew lirika ta’ kanzunetti jew għanjiet lesti bil-Malti għat-tfal sa ħames snin u jixtieq jipparteċipa, biex jissieħeb f’dan il-proġett ta’ ġid għall-futur ta’ lsienna. Il-Kumitat tal-Proġett tal-Mużika se jistħarreġ il-versi li jintbagħtulu, bil-ħsieb li dawk l-aktar addattati tinħadem mużika xierqa għalihom. Il-kanzunetti mbagħad jixxandru fil-YouTube u jinħarqu fuq diska kompatta li titqassam fil-klassijiet tal-kinder u tas-snin bikrin.

Il-versi jistgħu jkunu fuq temi ħfief u bażiċi li jidħlu fil-ħajja taż-żgħar u jintroduċuhom għall-ambjent naturali u l-ħajja soċjali ta’ madwarhom. Fost is-suġġetti nsemmu: l-istaġuni, l-ismijiet tax-xhur u l-jiem tal-ġimgħa, it-temp, il-ħwejjeġ, il-festi ta’ matul is-sena (bħall-Karnival, l-Għid u l-Milied) u tal-irħula, in-numri, l-ittri tal-alfabett u l-ħsejjes tagħhom, il-partijiet tal-ġisem u movimenti bihom, il-kuluri, il-forom u l-qisien, l-annimali, il-familja, il-ħaddiema u x-xogħlijiet, karattri veri jew mistħajla li jappellaw għat-tfal, il-ġugarelli, l-istrumenti mużikali, il-mezzi tat-trasport, il-logħob, u l-affarijiet mistħajla tal-ħolm.

Dawn it-temi qed jingħataw biss bħala indikazzjoni u mhux bħala limitazzjoni, għax il-Kumitat se jikkonsidra kull tema li tkun addattata għal dik l-età. Il-versi li jintbagħtu għandhom jirrispettaw dawn il-punti:

  • Ikunu oriġinali.
  • Ikunu pjaċevoli għat-tfal.
  • Ikunu marbutin mad-dinja tat-tfal tal-lum.
  • Iħarsu lejn l-affarijiet mill-għajnejn tat-tfal, u ma jkunux riflessjoni tal-kbar fuq il-ħajja tat-tfal.
  • Ikollhom element ta’ immaġinazzjoni.
  • Ikunu miktubin b’Malti tajjeb u mexxej għaż-żminijiet tal-lum.
  • Ikollhom attitudni miftuħa lejn kulturi oħra u jħaddnu l-prinċipji tal-ugwaljanza soċjali.

Il-Kumitat tal-Proġett tal-Mużika mhux qed jintrabat li jmexxi ’l quddiem il-versi kollha li jirċievi, imma dawk biss li jkunu addattati u ta’ kwalità. Id-drittijiet tal-versi jibqgħu tal-awturi tagħhom u l-ismijiet tagħhom jibqgħu jidhru/jissemmew kull fejn ikunu stampati jew jinstemgħu.

Dan mhuwiex proġett bi skop ta’ qligħ imma ta’ tixrid b’xejn ta’ materjal tajjeb għall-edukazzjoni. Għalhekk ma jista’ jingħata l-ebda ħlas lill-kittieba tal-versi li jintgħażlu.

Il-versi għandhom jaslulna sal-21 ta’ Settembru 2012 (data estiża) u għandhom jintbagħtu f’dan l-indirizz. Il-versi li ma jitqisux addattati għal dal-proġett jintbagħtu lura lill-awturi tagħhom malli tittieħed id-deċiżjoni dwarhom, u l-Kumitat qed jassigura li ma jsir l-ebda użu minnhom.

Inħeġġuk tieħu sehem f’dan il-proġett biex l-ilsien sabiħ tagħna nibqgħu nisimgħuh jitkanta fl-iskejjel, fid-djar u fil-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna.

Qari għat-tfal fis-sajf u għal matul is-sena


Kotba tal-qari bil-Malti għat-tfal tal-primarja biex ikollhom x’jaqraw fil-vaganzi tas-sajf u matul is-sena

L-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti tal-Primarja jixtiequ jkompli jxerrdu l-imħabba lejn il-qari. Filwaqt li jħeġġu lill-ġenituri jieħdu lil uliedhom regolarment fil-libreriji biex jissellfu l-kotba matul il-vaganzi tas-sajf, bħala għajnuna qegħdin joffru lista tal-kotba tal-qari bil-Malti lill-ġenituri biex tintbagħat flimkien mar-riżultat tal-eżamijiet tal-aħħar tas-sena jew ma’ korrispondenza oħra mill-iskola, ħalli jkunu jistgħu jagħżlu minnha kotba tal-qari addattati għal uliedhom. Fil-lista, il-kotba huma maqsumin skont is-snin tal-primarja. Hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu l-kotba mil-lista skont l-età u l-ħila tat-tfal.

Nissuġġerixxu li l-istudenti jirċievu l-lista tal-kotba tas-sena li kienu fiha u tas-sena li se jitilgħu fiha biss. Il-lista tista’ tintbagħat lill-ġenituri bil-posta tradizzjonali jew bil-posta elettronika.

Jekk ikun hemm ġenituri li jkunu jixtiequ l-lista sħiħa, jistgħu jarawha minn hawn.

Il-lista tiġbor l-ismijiet tal-kotba li ġew aċċettati minn bordijiet ta’ edukaturi maħtura mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku f’dawn l-aħħar erba’ snin. Il-bordijiet ikunu magħmula minn għalliema tal-primarja, rappreżentanti tal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u d-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku. Il-kotba jintgħażlu fuq bażi ta’ din iċ-ċekkjatura bi kriterji standard.

Inħeġġu lill-iskejjel u lill-għalliema jagħżlu wkoll minn dawn il-kotba għall-qari supplimentari fil-klassi għal matul is-sena skolastika li jmiss.