Minn Olvin Vella
Kif għandna llissnu bieb, bard u messaġġ? Għandna llissnuhom kif niktbuhom?
Dawn it-tliet kelmiet illissnuhom biep, bart u messaċċ. Il-kitba Maltija, għalkemm imsejsa fuq il-fonetika, titbiegħed minnha wkoll. Altru niktbu u altru llissnu.
Meta l-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż jaqgħu f’tarf il-kelma, illissnuhom p, t, ċ, f, k, s.
Niktbu | Illissnu |
trab | trap |
ħadid | ħadit |
taraġ | taraċ |
ċriev | ċrief |
spag | spak |
pajjiż | pajjis |
Il-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż huma mleħħnin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom konsonanti qawwija).
Il-konsonanti p, t, ċ, f, k, s huma mniffsin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom rotob).
Waħda mir-regoli fonoloġiċi tal-Malti Modern titlob li meta konsonanti mleħħna taqa’ f’tarf il-kelma, titniffes. Mela nikteb naqbeż imma llissen naqbes.
Ilsna oħra li għandhom din ir-regola huma l-Ġermaniż u l-Olandiż. L-Ingliż m’għandux din ir-regola u fit-tlissin jagħżel, ngħidu aħna, bejn bed u bet, leave u leaf.
Kurjuż għal aktar…
Innota li hawn fuq semmejt il-Malti Modern. Għax tajjeb li ngħidu li din ir-regola daħlet fis-seħħ madwar is-seklu 16. Qabel, il-Maltin kienu jlissnu bieb u bard, kif għadhom ilissnu l-Għarab sal-lum.
U kif nafu dan fuq il-Malti Qadim? B’xorti tajba, id-dokumenti tan-nutara tas-sekli 15-16 fihom eluf ta’ ismijiet ta’ għelieqi bil-Malti, li dak iż-żmien kien għadu jinkiteb kif jinħass. Fost l-ismijiet insibu chabel isayed (għalqa: Ħabel is-Sajjied, 1539), ginen il harib (Ġnien il-Għarib, 1498). Ħames mitt sena ilu l-Maltin kienu jitkellmu xorta oħra.