Author Archives: malti
Qalbha tajba
In-Nannu nesa x’jisimni
Nifirħu lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u lill-awtur Trevor Zahra għall-pubblikazzjoni In-Nannu nesa x’jisimni li qed titqassam fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex.
L-għan ta’ dan il-ktieb hu li jgħin lit-tfal jitgħallmu aktar dwar id-dimensja u li jkisser perspettivi żbaljati dwar din il-kundizzjoni. Sikwit jiġri li r-riċerka ssir fuq l-internet u allura t-tfal mhux dejjem isibu materjal adattat għalihom. Problema oħra hi li t-tfal jafu jiltaqgħu ma’ materjal li ma jkunx miktub minn għajn awtorevoli u għal-livell tagħhom.
Fost il-mistoqsijiet li jqanqal u jwieġeb dal-ktieb, li qed jintuża wkoll fil-lezzjonijiet tal-PSD u l-Istudji Soċjali, insibu:
– X’inhi d-dimensja?
– Id-dimensja tista’ tittieħed?
– Għaliex l-individwu milqut iġib ruħu b’mod li jidher stramb?
– X’effetti tħalli fuq il-qraba u fuq l-individwu nnifsu d-dimensja?
Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni qed tkompli twassal messaġġ ta’ importanza għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Din is-sena l-Unjoni Ewropea ddedikatha għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Fis-sit tagħha fuq l-anzjanità attiva toffri wkoll pjanijiet tal-lezzjonijiet dwar kif l-iskejjel jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet.
Ara r-ritratti ta’ attività li saret dan l-aħħar fl-Iskola Primarja San Tumas More, Wied il-Għajn. Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Mario Galea tkellem fuq din l-inizjattiva sabiħa filwaqt li l-awtur tal-ktieb Trevor Zahra qara siltiet mill-ktieb u ddiskuta mal-istudenti l-kontenut tiegħu.
Mistoqsija u Tweġiba 25
Minn Olvin Vella
Naf li l-kelma bijografija tinkiteb bil-j. Imma nixtieq inkun naf x’inhi r-regola ta’ żewġ vokali ħdejn xulxin.
Hekk hu. Niktbu bijografija mhux biografija. Imma idea mhux ideja.
Fil-Malti kienu jgħidulna li żewġ vokali ma joqogħdux fejn xulxin. Imma mhux il-każ għax niktbu: poeta, ideat, ateu.
Żewġ vokali nifirduhom b’j, bħal fil-kelma bijoloġija u Piju, meta l-ewwel vokali tinzerta i. Jekk l-ewwel vokali tkun u, nifirduhom b’w, bħal influwenza.
Din ir-regola ma tiġix applikata meta l-ewwel vokali (mit-tnejn li jkunu qed imissu flimkien) tkun it-tarf ta’ prefiss, bħal: riorganizzazzjoni, triangolu, biennali.
Nota: Tista’ taqra aktar dwar dan minn hawn.
Ballun Pinġut
Fl-okkażjoni tal-logħob tal-Ewro 2012, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti – b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports – nieda l-ktieb Ballun Pinġut ta’ Keith Attard. Fil-ktieb inġabar għadd ġmielu (930 b’kollox) ta’ espressjonijiet Maltin marbuta mal-logħba tal-futbol. L-awtur ġabar l-espressjonijiet kif semagħhom ħerġin b’mod naturali minn fomm iż-żgħażagħ, huma u jilagħbu l-iskola u waqt it-taħriġ tal-klabbs. Ma’ dawn żied ukoll frażijiet oħra li semagħhom jingħadu mill-kummentaturi sportivi fuq il-mezzi tax-xandir.
Biex ix-xogħol ikun sewwa, kull kelma/espressjoni kkonfermaha ma’ numru ta’ informanti mill-iktar sitt kategoriji ewlenin tad-dinja tal-futbol: dik ta’ referì, plejer, kowċ, membru ta’ kumitat ta’ klabb, dilettant u ġurnalist. B’hekk l-użu ta’ kull espressjoni hemm xhieda tiegħu f’din il-pubblikazzjoni stess. L·awtur daħħal biss 10 espressjonijiet ġodda li ħass li kellu jipproponihom flok kliem ieħor li jintuża bl-Ingliż. Dawn jingħarfu sewwa għaliex huma indikati bil-kelma [proposta]. Illum, li b’riħet dan ix-xogħol kellu l-okkażjoni jaħdem ma’ xi ġurnalisti, l-awtur iħossu żgur li dawn se jiżnuhom bil-għaqal u, jekk jiswewlhom u jdoqqulhom, se jibdew iħaddmuhom.
Barra minn hekk, bl-għajnuna tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, tneħħew dawk l-espressjonijiet li setgħu jinstemgħu dispreġjattivi fuq ix-xandir għax dan il-proġett fuq kollox sar bħala għajnuna għalihom għal meta jiġu biex jikkummentaw il-logħbiet.
Wara sentejn xogħol fuq din il-ġabra, l-awtur jifhem li xorta għad fadal x’jinġabar, għax l-ilsien Malti huwa akbar milli nimmaġinawh. Għalhekk, barra minn din il-pubblikazzjoni qed jibni ġabra oħra li jkun fiha l-kliem li tħalla barra, bil-ħsieb li dan imbagħad isib postu f’edizzjoni mkabbra.
Jekk trid tara l-ktieb idħol fis-sit tal-Kunsill tal-Malti. Jekk tixtieq tieħu sehem fid-diskussjoni li għaddejja fuq l-espressjonijiet tal-futbol tista’ tgħid tiegħek ukoll fil-paġna tal-Facebook ‘Ballun Pinġut’.
Prosit lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lill-awtur għal din il-pubblikazzjoni tassew sabiħa.