Il-Jum Dinji tal-Ktieb

jumdinjiktiebFl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Librerija Pubblika Ċentrali se jingħaqdu flimkien biex jorganizzaw taħdita f’għamla ta’ sessjoni ta’ taħriġ għall-pubbliku bl-isem ‘Strateġiji tal-Qari’.

It-taħdita se tingħata minn Anabel Desira nhar it-Tlieta, 23 ta’ April, fil-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana, fl-10am.

Id-dħul għaliha hu b’xejn imma importanti li min jixtieq jattendi jirreġistra fl-indirizz elettroniku info@ktieb.org.mt jew billi jċempel 2124 0703 jew 2125 2604.

Kors ta’ aġġornament fl-ortografija

Inħeġġu lill-għalliema tal-Primarja li jixtiequ jtejbu l-ortografija tal-Malti, jattendu għal kors ta’ aġġornament volontarju li se jkun organizzat mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Il-kors se jkun fih sitt sessjonijiet (darba fil-ġimgħa) u se jibda t-Tnejn, 22 t’April 2013.

Se jsiru żewġ korsijiet bl-istess kontenut: wieħed Malta fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq (Ħal Qormi) u ieħor Għawdex fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, ir-Rabat.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sal-Erbgħa, 17 t’April b’ittra elettronika lil david.agius.muscat@ilearn.edu.mt

Kull min jattendi jingħata ċertifikat uffiċjali. Għal tagħrif ieħor ara din iċ-ċirkulari.

Linji gwida għall-eżamijiet tal-ewwel sentejn tas-sekondarja

Nitolbu lill-għalliema tal-Malti tal-ewwel sentejn tas-Sekondarja jaraw iċ-ċirkulari u l-linji gwida għall-eżamijiet annwali tal-Malti ta’ din is-sena skolastika (Ġunju 2013). L-eżamijiet se joħorġu skont dawn il-linji gwida.

F’każ ta’ xi diffikultà jew kummenti oħrajn, nitolbukom tikkuntattjaw lill-Uffiċjali Edukattivi skont il-kulleġġi assenjati, indikati fl-istess ċirkulari.

Stejjer għat-tfal tal-ewwel sena

Għeżież għalliema tal-Ewwel Sena tal-Primarja,

Kultant żmien se nibdew intellgħu stejjer ħelwin għat-tfal iż-żgħar li jistgħu jinqraw fil-klassi minn fuq il-bord interattiv. Inħeġġukom biex tużaw dawn ir-riżorsi ħalli flimkien inkomplu nsaħħu l-qari bil-lingwa sabiħa tagħna.

Dawn l-istejjer iduru mal-karattri ta’ Mark, Anna u Fido kif ukoll ma’ Miċu, Miċa, Miċinu u Miċina. Tista’ ssibhom mill-paġna tal-Ewwel Sena tal-Primarja, fit-taqsima tal-Qari.

Min jixtieq jibagħtilna xi stejjer oħra biex jintużaw fil-klassijiet taż-żgħar, nitolbuh jagħmel dan u jikkuntattjana. Aħna nieħdu pjaċir b’inizjattivi li jrawmu l-imħabba tat-tfal lejn il-qari.

Il-Forum Mare Nostrum

L-Akkademja tal-Malti se tospita f’Malta s-seba’ edizzjoni tal-Forum Mare Nostrum, organizzat mill-Kunsill tal-Awturi Ewropej (EWC). Dan se jsir il-Ħamis, 11 ta’ April, mit-8.30am sat-3.30pm fil-Lukanda Grand Hotel Excelsior, il-Furjana.

Għal tagħrif ieħor fuq il-Forum, inkluż għall-mistednin li se jippreżentaw it-temi letterarji tagħhom, ara din l-istqarrija għax-xandir.

Tista’ tara wkoll il-programm tal-Forum minn hawn.