Sejħa pubblika għall-kotba tal-qari

Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku qed jilqa’ sottomissjonijiet ta’ riżorsi supplimentari tal-qari bil-Malti mill-Ewwel sas-Sitt Sena tal-Primarja.

Inħeġġu lill-awturi, lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jibagħtu l-pubblikazzjonijiet tagħhom għall-evalwazzjoni tal-bord tal-għażla maħtur apposta.  L-għażla ssir skont iċ-ċekkjatura tal-qari supplimentari.

Ir-riżorsi kollha għandhom jintbagħtu fl-indirizz ta’ hawn taħt:

Is-Sa Anna Frendo
Il-Bord tal-Għażla tal-Kotba tal-Malti
Ir-Riżorsi Supplimentari tal-Qari bil-Malti (Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Min jixtieq tagħrif ieħor jista’ jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta’ Frar  2013 (paġna 826).

Il-forom ewlenin bil-Malti

Bosta għalliema staqsewna xi nsejħulhom il-forom ewlenin li jintużaw fl-ewwel snin tal-primarja. Fit-taqsimiet tal-kinder u tal-ewwel u t-tieni sena tal-primarja għandkom xi preżentazzjonijiet biex tużawhom fil-klassijiet tagħkom.

Inħeġġukom biex tgħallmu lit-tfal dawn il-forom bi lsienna.

Taħdita minn Olvin Vella

Nifirħu lis-Sur Olvin Vella li għamel taħdita interessanti ħafna fuq kif kienu jitkellmu l-Maltin fl-antik. It-taħdita kienet ibbażata fuq riċerka li s-Sur Vella ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin. It-taħdita saret l-ewwel darba fl-1 ta’ Diċembru 2012, u tant kien hemm nies, li reġgħet saret fl-24 ta’ Jannar 2013.

Prosit tassew lis-Sur Vella għal ħidmietu u nħeġġuh biex jagħmel aktar minn dawn it-taħditiet interessanti fuq ilsienna.

Taħditiet fuq il-Malti mal-ġenituri

Dan l-aħħar iltaqjna mal-ġenituri tal-istudenti ta’ żewġ skejjel primarji. Tkellimna magħhom fuq ir-regoli tal-Malti u fuq diffikulatjiet li huma jsibu meta jkunu qed jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tad-dar tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-ġenituri li ġew u li tant ipparteċipaw b’entużjażmu. Kien ta’ pjaċir kbir għalina li niltaqgħu magħhom.
 
Nirringrazzjaw ukoll liż-żewġ kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, is-Sa Rita Azzopardi mill-Iskola ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, u lis-Sur Lorian Busuttil Naudi mill-Iskola tal-Fgura B tal-Kulleġġ San Tumas More.