Mistoqsija u Tweġiba 33

Minn Olvin Vella

X’niktbu: bżonnjuż jew bżonjuż?

Ikteb bżonjuż, b’n waħda.

Biex nirraġunaw għala, irridu bilfors nagħmlu referenza żgħira għat-Taljan. L-erba’ kelmiet li ġejjin jispiċċaw -nn fil-Malti, imma fit-Taljan insibuhom miktubin bil-gn:

It-Taljan Il-Malti
bisogno   bżonn
disegno   disinn
degno    denn
impegno   impenn

Meta dan il-kliem fil-Malti nżidulu suffiss li miegħu jitlob j, ngħidu aħna s-suffiss tal-plural i, inwaqqgħu waħda mid-doppja n: disinji, denji, impenji.

Fil-mistoqsija li saritilna, is-suffiss jitlobna nżidulu miegħu j, u għalhekk nerġgħu nwaqqgħu waħda mid-doppja n: bżonj.

Eżempji oħra huma: iddisinjat, impenjat.

Dan l-argument japplika wkoll għall-kliem li jispiċċa ll u li fit-Taljan insibuh miktub bil-gl:

It-Taljan            Il-Malti
sbaglio żball, żbalji, żbaljat
dettaglio  dettall, dettalji, dettaljat

 

Kors fil-Kitba bil-Malti

Jekk tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, ix-xahar id-dieħel se jerġa’ jiftaħ il-Kors fil-Qari tal-Provi. Din is-sena se jkun offrut f’Malta u f’Għawdex ukoll. L-Għawdxin li jixtiequ jirfinaw l-ortografija tagħhom inħeġġuhom biex jaħtfu din l-opportunità u japplikaw għall-kors ta’ Għawdex.

L-applikazzjonijiet miftuħin bħalissa u jintlaqgħu matul il-perjodu regolari sa nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar. Wara, jibqgħu jintlaqgħu bil-kundizzjonijiet tal-applikazzjonijiet tard.

Dan il-kors universitarju, part-time, hu twil sena u huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors mhuwiex biss għall-għalliema tal-Malti imma għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jinteressah dan il-qasam tal-lingwa.

Għal aktar dettalji ara din iċ-ċirkulari u idħol hawn.

 

L-alfabett Malti kantat

L-għalliema u l-ġenituri kienu ilhom jistaqsuna għall-alfabett Malti kantat. Bis-saħħa tal-Iskola Primarja San Franġisk ta’ Birkirkara issa għandna verżjoni sabiħa tal-alfabett tagħna kantat mill-kor tat-tfal Ilħna Ferrieħa tal-istess skola.

L-idea oriġinali tal-proġett kienet tal-Kap tal-Iskola Sr Giovannita Briffa. Il-kliem tal-kanzunetta huwa ta’ Pauline Spiteri u ta’ Sr Giovannita stess. Il-mużika kitbitha Pauline Spiteri. Il-kanzunetta ġiet irrekordjata minn Andrew Zammit f’Tone Studios, Birkirkara.

Nirringrazzjaw lill-ħbieb tagħna Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill tal-Malti, u lil Maria Azzopardi, għalliema fl-Iskola Primarja San Franġisk tal-Imsida, li għamlu l-filmati li qed jidhru mal-kanzunetta.

Nirringrazzjaw ukoll lil Tania Mangion, Uffiċjal Edukattiv tas-Snin Bikrin, li għarrfitna b’din il-kanzunetta sabiħa.

Nistidnukom issemmgħu u turu din il-kanzunetta lit-tfal iż-żgħar biex jitgħallmu b’mod divertenti l-alfabett tagħna.

L-ALFABETT MALTI (ittri żgħar) 

L-ALFABETT MALTI (ittri kbar)

Il-Milied it-Tajjeb!

Dal-Milied se jkun wieħed speċjali fil-klassijiet tal-primarja. U dan bis-saħħa ta’ Sr Giovannita Briffa, il-Kap tal-Iskola San Franġisk ta’ Birkirkara, li għadditilna kanzunetta ħelwa ħafna tal-Milied miktuba minn Mario Cucciardi, bil-mużika ta’ Andrew Zammit. Il-kanzunetta hija kantata mill-kor tat-tfal ‘Ilħna Ferrieħa’ tal-istess skola u ġiet irrekordjata għand Tone Studios. Nirringrazzjaw lill-ħbieb tagħna Thomas Pace u Maria Azzopardi li għal darb’oħra ħejjew il-filmat ta’ mal-kanzunetta.

Min irid aktar tagħrif fuq din il-kanzunetta u fuq kanzunetti oħra bil-Malti ta’ dan l-istess kor jista’ jidħol fis-sit tal-Iskola San Franġisk.

Nixtiqulkom il-Milied it-tajjeb u nħeġġukom biex tkantaw din il-kanzunetta fil-klassijiet tagħkom.

Mistoqsija u Tweġiba 32

Minn George Mifsud

X’inhu l-għerq tal-verbi qara, wasal, u tar?

Il-verb qara huwa dgħajjef jiġifieri xi mkien fl-għerq għandu j jew w.  Il-verb dgħajjef jista’ jkun ta’ 3 tipi:

Qara huwa dgħajjef nieqes għax għandu j fl-aħħar. Din tidher meta noħorġu nom minnu, bħal qarrej u qarrejja. Għalhekk l-għerq ta’ qara hu q-r-j

Hemm ukoll id-dgħajjef xebbiehi/assimilattiv (dak li fil-mamma jibda bil-konsonanti w bħal wasal, waqfu, wiżen u l-bqija). Din taqa’ meta nikkonjugaw il-verb fil-preżent, eż. nasal (w-s-l), nieqaf (w-q-f), niżen (w-ż-n). Għalhekk l-għerq ta’ wasal hu w-s-l.

It-tielet tip huwa d-dgħajjef moħfi li jkollu sillaba waħda fin-nofs  b’konsonanti dgħajfa w jew j moħbija, bħal tar, imorru, dur. Tkun taf x’hemm moħbi jekk taqleb il-verb fl-imperattiv singular, ngħidu aħna tir (t-j-r) mur (m-w-r), u dur (d-w-r). Il-vokali i twila tindika li l-konsonanti dgħajfa tkun j filwaqt li l-vokali u twila tindika li l-konsonanti hija w. Għalhekk l-għerq ta’ tar hu t-j-r.