Minn Olvin Vella
X’niktbu: bżonnjuż jew bżonjuż?
Ikteb bżonjuż, b’n waħda.
Biex nirraġunaw għala, irridu bilfors nagħmlu referenza żgħira għat-Taljan. L-erba’ kelmiet li ġejjin jispiċċaw -nn fil-Malti, imma fit-Taljan insibuhom miktubin bil-gn:
It-Taljan | Il-Malti |
bisogno | bżonn |
disegno | disinn |
degno | denn |
impegno | impenn |
Meta dan il-kliem fil-Malti nżidulu suffiss li miegħu jitlob j, ngħidu aħna s-suffiss tal-plural i, inwaqqgħu waħda mid-doppja n: disinji, denji, impenji.
Fil-mistoqsija li saritilna, is-suffiss uż jitlobna nżidulu miegħu j, u għalhekk nerġgħu nwaqqgħu waħda mid-doppja n: bżonjuż.
Eżempji oħra huma: iddisinjat, impenjat.
Dan l-argument japplika wkoll għall-kliem li jispiċċa –ll u li fit-Taljan insibuh miktub bil-gl:
It-Taljan | Il-Malti |
sbaglio | żball, żbalji, żbaljat |
dettaglio | dettall, dettalji, dettaljat |