Mistoqsija u Tweġiba 31

Minn Olvin Vella

X’niktbu: Marija rrabjat jew Marija irrabjat?

Ikteb Marija rrabjat għal żewġ raġunijiet.

 

Ir-regola tgħid li kliem imnissel minn ilsien barrani u li diġà kien jibda bl-i għandu jibqa’ jżommha fil-kitba Maltija, għax din tkun parti integrali mill-kelma (eż. intenso, illegale).

Issa hawn iċ-ċansijiet huma tnejn:

JEW (1) li rrabja ġejja minn arrabbiare, u allura r-regola tal-i fil-bidu ma tapplikax;

JEW (2) li ħarġet mill-kelma Maltija rabja (mit-Taljan rabbia) u allura m’għandha l-ebda vokali integrali fil-bidu. Fil-Malti ndaħħlu l-i tal-leħen kull meta jkollna bżonnha biex nippronunzjaw sewwa (eż. Mark irrabja). Imma hawnhekk ma neħtiġuhiex.

Għaldaqstant niktbu: Marija rrabjat.

Ir-regola kelma b’kelma

Kliem barrani li jibda bil-vokali i (eż. importanti, immaġinazzjoni, inklinat, injorant, introduċa).

Kliem barrani li fl-ilsien barrani jibda bil-vokali  i, jibqa’ jżomm l-i bħala parti integrali tal-kelma wkoll meta l-kelma ta’ qabel tispiċċa b’vokali.
Nota: Fil-każijiet kollha ta’ kliem missellef li jibda bil-vokali a, e, o, jew u, il-Malti jżomm din il-vokali. Jidhrilna għalhekk li għandna nżommuha fil-każ tal-vokali i wkoll.

Mistoqsija u Tweġiba 30

Minn Olvin Vella

X’niktbu: hieni jew ħieni?

Ikteb hieni, bl-akka.

 

L-għerq ta’ din il-kelma huwa h-n-j. Jiġifieri bl-akka, kif jikxfu l-kelmiet ‘hena’ u ‘mhenni”’.

Li kieku l-kliem KOLLU mnissel minn dak l-għerq nippronunzjawh bil-ħe, allura l-akka tal-Għarbi jkollna nibdluha għal ħe fil-Malti. Hekk qed nagħmlu fil-każ tal-kelma ‘ġieħ’: illum niktbuha bil-ħe, minkejja li xi darba kienet bl-akka, għax il-kliem kollu li joħroġ minn dak l-għerq nippronunzjawh bil-ħe: ‘imweġġaħ’, ‘imweġġħin’.

Mistoqsija u Tweġiba 29

Minn George Mifsud

X’inhu l-femminil ta’ barri?

Il-femminil huwa barrija. Il-femminil baqra huwa tal-gendus.

Fl-imgħoddi (sas-sebgħinijiet) kellek f’Malta l-kelma gendus li l-femminil tiegħu kienet baqra. Fil-fatt, il-baqra kienet tintuża għax-xogħol tar-raba’ speċjalment fis-sajf għax kellha saħħa kbira biex taqla’ l-ħamrija mill-qiegħ. Il-gendus kien ir-raġel tal-baqra u kien jintuża għall-ikel u biex ikollhom il-frieħ. Lejn tmiem is-sebgħinijiet in-nisel tagħhom inqata’ għalkollox, anke għax ix-xogħol tar-raba’ beda jsir bil-magni. (F’dawn l-aħħar snin saru xi esperimenti biex jerġgħu jnissluhom fl-Għammieri u fl-Olanda.)

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, meta n-nisel tal-gendus beda jispiċċa, beda jinġieb f’Malta l-barri li l-femminil tiegħu huwa barrija. Din il-kelma ġejja mill-kelma bar għax dawn bdew jinġiebu minn barra, mill-Barberija (Tuneż, Tripli u  Bengażi). Dawn kienu jissemmnu u jittieħdu l-biċċerija għall-qatla. Il-ħalib li kienu jikkunsmaw il-Maltin ta’ dak iż-żmien kien ikun tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, mhux tal-baqar bħal-lum.

Bdew ġejjin ukoll il-baqar mill-Irlanda (illum magħrufa bħala baqar Erxin – forsi tgħaqqida tal-kelma Irish) li huma ta’ lewn iswed imnaqqax bl-abjad jew bil-griż, għall-ħalib tagħhom. Minn hemm twaqqfet il-kumpanija Benna u l-irziezet tal-baqar tal-ħalib.

Maż-żmien ġara li żammejna u għaqqadna l-maskil barri u ħadna l-femminil baqra għax il-kelma gendus spiċċat malli nqata’ n-nisel tiegħu. Madankollu l-kliem barrija u gendus għadhom jintużaw mir-raħħala u l-bdiewa meta jitkellmu bejniethom. Dawn il-kelmiet bit-tifsiriet oriġinali tagħhom jintużaw ukoll meta jitħabbru l-kategoriji tal-premjijiet fl-Imnarja mis-Soċjetà Agrarja fil-Buskett.

Taħdita għall-għalliema fuq de Soldanis

Nhar it-Tlieta, 4 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru tal-Kurrikulu, il-Ħamrun, se ssir taħdita għall-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Istat, Indipendenti, u tal-Knisja fuq il-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis fl-okkażjoni tat-300 sena minn twelidu.

It-taħdita se tingħata mis-Sur Olvin Vella u mis-Sa Rosabelle Carabott li qed jaħdmu ħafna biex jitfakkar dan l-anniversarju matul din is-sena.

L-għalliema kollha tal-Malti, b’mod speċjali dawk tat-Tieni u r-Raba’ Sena tas-Sekondarja, huma mħeġġa jattendu. Infakkru li de Soldanis qiegħed fis-sillabu tal-Malti tat-Tieni Sena tas-Sekondarja kif ukoll għall-eżami ta’ tmiem is-sekondarja tal-Matsec. L-għalliema li jattendu se jingħataw ukoll ktejjeb u diska kompatta fuq de Soldanis biex ikunu jistgħu jużawhom waqt il-lezzjonijiet mal-istudenti tagħhom.

It-taħdita tibda fil-5pm u tintemm fis-7pm.

Kompli aqra u tkixxef aktar fuq de Soldanis minn hawn.

Il-Karta tal-Malti tal-Benċmark

Hawnhekk issibu l-preżentazzjoni li ta l-Uffiċjal Edukattiv David Muscat fuq il-karta tal-Malti tal-Benċmark li saret f’Mejju/Ġunju 2012.

Din ingħatat it-Tnejn, 26 ta’ Novembru fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann B u nhar it-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2012 fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, ir-Rabat, Għawdex.