Mistoqsija u Tweġiba 29

Minn George Mifsud

X’inhu l-femminil ta’ barri?

Il-femminil huwa barrija. Il-femminil baqra huwa tal-gendus.

Fl-imgħoddi (sas-sebgħinijiet) kellek f’Malta l-kelma gendus li l-femminil tiegħu kienet baqra. Fil-fatt, il-baqra kienet tintuża għax-xogħol tar-raba’ speċjalment fis-sajf għax kellha saħħa kbira biex taqla’ l-ħamrija mill-qiegħ. Il-gendus kien ir-raġel tal-baqra u kien jintuża għall-ikel u biex ikollhom il-frieħ. Lejn tmiem is-sebgħinijiet in-nisel tagħhom inqata’ għalkollox, anke għax ix-xogħol tar-raba’ beda jsir bil-magni. (F’dawn l-aħħar snin saru xi esperimenti biex jerġgħu jnissluhom fl-Għammieri u fl-Olanda.)

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, meta n-nisel tal-gendus beda jispiċċa, beda jinġieb f’Malta l-barri li l-femminil tiegħu huwa barrija. Din il-kelma ġejja mill-kelma bar għax dawn bdew jinġiebu minn barra, mill-Barberija (Tuneż, Tripli u  Bengażi). Dawn kienu jissemmnu u jittieħdu l-biċċerija għall-qatla. Il-ħalib li kienu jikkunsmaw il-Maltin ta’ dak iż-żmien kien ikun tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, mhux tal-baqar bħal-lum.

Bdew ġejjin ukoll il-baqar mill-Irlanda (illum magħrufa bħala baqar Erxin – forsi tgħaqqida tal-kelma Irish) li huma ta’ lewn iswed imnaqqax bl-abjad jew bil-griż, għall-ħalib tagħhom. Minn hemm twaqqfet il-kumpanija Benna u l-irziezet tal-baqar tal-ħalib.

Maż-żmien ġara li żammejna u għaqqadna l-maskil barri u ħadna l-femminil baqra għax il-kelma gendus spiċċat malli nqata’ n-nisel tiegħu. Madankollu l-kliem barrija u gendus għadhom jintużaw mir-raħħala u l-bdiewa meta jitkellmu bejniethom. Dawn il-kelmiet bit-tifsiriet oriġinali tagħhom jintużaw ukoll meta jitħabbru l-kategoriji tal-premjijiet fl-Imnarja mis-Soċjetà Agrarja fil-Buskett.