L-anniversarju ta’ de Soldanis

Din is-sena jaħbat it-300 anniversarju mit-twelid tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis (1712-1770). Kien l-ewwel wieħed li xandar kemm felaħ fuq l-ilsien Malti u kiteb fuq l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura tal-Maltin.


Il-wirja
Bħalissa hemm wirja Għawdex fuq de Soldanis. Qed tittella’ l-Ministeru għal Għawdex, u se ddum miftuħa sat-23 ta’ Settembru 2012. L-istess wirja se tittella’ l-Biblijoteka Nazzjonali, il-Belt, fl-okkażjoni tal-Lejl Imdawwal fid-29 ta’ Settembru u tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Novembru 2012.

Fil-wirja qed jiġu ppreżentati l-manuskritti ta’ de Soldanis, xi sejbiet arkeoloġiċi sbieħ li semma f’xogħlijietu, u pitturi ta’ Favray li kien semmiehom fil-grammatika u fid-dizzjunarju. Aktar tagħrif fuq il-wirja ssibu minn hawn.


Il-mappa ta’ Għawdex
Min jattendi l-wirja jista’ jixtri kopja tal-mappa dettaljata ta’ Għawdex li nsibuha maħżuża fil-volum manuskritt ta’ de Soldanis, l-Istorja ta’ Għawdex.


Ktejjeb b’xejn għall-istudenti tar-raba’ klassi tas-sekondarja
Fil-ġimgħat li ġejjin se jitnieda ktejjeb għall-istudenti tas-sekondarja fuq de Soldanis. Dan il-ktejjeb bil-kulur se jingħata b’xejn lill-istudenti li jżuru l-wirja. Barra li miktub b’mod mexxej u mżewwaq b’pitturi tal-epoka, fih ukoll it-taħriġiet. Ideali għat-tħejjija tal-eżami taċ-ĊES.


Taħdita u ktieb ġdid
F’Novembru, il-President ta’ Malta se jorganizza lejla ta’ tifkira u matulha se jitnieda ktieb bi studji ġodda fuq de Soldanis.


Intervisti u qari fuq il-YouTube
Fuq il-YouTube nfetaħ stazzjon għal Agius de Soldanis. Fih issib 40 intervista ma’ storiċi u lingwisti, l-għaxar djalogi sbieħ ta’ de Soldanis moqrija u d-daħla tad-dizzjunarju tiegħu.

Ħajr lill-Ministeru għal Għawdex, il-Libreriji Maltin, il-Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, li qed jikkollaboraw fil-proġett. Prosit ta’ din l-inizjattiva sabiħa.

—————————-
Ara wkoll l-istqarrija tal-Ministeru għal Għawdex u xi ritratti tal-wirja (DOI) u ċ-ċirkulari maħruġa mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku.

 

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi

Is-26 ta’ Settembru hu l-jum iddedikat lill-ilsna Ewropej. L-Ewropa għandha tabilħaqq teżor lingwistiku: 23 lingwa uffiċjali u iktar minn 60 komunità lokali li jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritajra. Ma’ dawn hemm ukoll mijiet ta’ lingwi oħra mitkellma miċ-ċittadini ta’ pajjiżi u kontinenti oħra.

L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa nedew l-inizjattiva tas-Sena Ewropea tal-Lingwi fl-2001 biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ din ir-rikkezza lingwistika ħalli l-popli Ewropej japprezzaw il-wirt lingwistiku tagħhom u jitgħallmu aktar lingwi ġodda. Minn dakinhar, kull sena fl-Unjoni Ewropea f’dan il-jum baqgħu jitfakkru l-ilsna Ewropej kollha.

Aqra aktar fuq dan il-Jum minn hawn.

Ara wkoll dawn:

Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi

Mistoqsija u Tweġiba 27

Minn Olvin Vellastaqsi

Kif għandna llissnu bieb, bard u messaġġ? Għandna llissnuhom kif niktbuhom?

Dawn it-tliet kelmiet illissnuhom biep, bart u messaċċ. Il-kitba Maltija, għalkemm imsejsa fuq il-fonetika, titbiegħed minnha wkoll. Altru niktbu u altru llissnu.

Meta l-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż jaqgħu f’tarf il-kelma, illissnuhom p, t, ċ, f, k, s.

Niktbu Illissnu
trab trap
ħadid ħadit
taraġ taraċ
ċriev ċrief
spag spak
pajjiż pajjis

Il-konsonanti b, d, ġ, v, g, ż huma mleħħnin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom konsonanti qawwija).

Il-konsonanti p, t, ċ, f, k, s huma mniffsin (fil-kotba tal-Primarja jsejħulhom rotob).

Waħda mir-regoli fonoloġiċi tal-Malti Modern titlob li meta konsonanti mleħħna taqa’ f’tarf il-kelma, titniffes. Mela nikteb naqbeż imma llissen naqbes.

Ilsna oħra li għandhom din ir-regola huma l-Ġermaniż u l-Olandiż. L-Ingliż m’għandux din ir-regola u fit-tlissin jagħżel, ngħidu aħna, bejn bed u bet, leave u leaf.

Kurjuż għal aktar…

Innota li hawn fuq semmejt il-Malti Modern. Għax tajjeb li ngħidu li din ir-regola daħlet fis-seħħ madwar is-seklu 16. Qabel, il-Maltin kienu jlissnu bieb u bard, kif għadhom ilissnu l-Għarab sal-lum.

U kif nafu dan fuq il-Malti Qadim? B’xorti tajba, id-dokumenti tan-nutara tas-sekli 15-16 fihom eluf ta’ ismijiet ta’ għelieqi bil-Malti, li dak iż-żmien kien għadu jinkiteb kif jinħass. Fost l-ismijiet insibu chabel isayed (għalqa: Ħabel is-Sajjied, 1539), ginen il harib (Ġnien il-Għarib, 1498). Ħames mitt sena ilu l-Maltin kienu jitkellmu xorta oħra.

Mistoqsija u Tweġiba 26

Minn Olvin Vellastaqsi

Meta nikteb titlu ta’ silta għat-taħriġ il-fehem, nikteb il-kliem kollu b’ittra kbira, minbarra l-artiklu u l-prepożizzjonijiet?

Ma teżistix regola fuq dan, iktar hi kwistjoni ta’ stil. Rajt kemm-il darba min jikteb il-kelmiet qosra b’ittra żgħira wkoll, bħal “Ħolma li Ħlomt”.

Forsi l-eħfef triq għal kulħadd tkun li niktbu l-ewwel ittra tas-sentenza b’ittra kbira u l-bqija kollox żgħir, bħal “Marika tixtieq trabbi annimal tad-dar”.

Hija għażla ħafifa u korretta.