Id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tad-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qiegħed jitlob is-sottomissjoni ta’ skemi ta’ kotba tal-qari bil-Malti mmirati għal studenti mill-Ewwel Sena sas-Sitt Sena tal-Iskejjel Primarja tal-Istat. Għaldaqstant, id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu jistieden lill-awturi, pubblikaturi, distributuri ta’ kotba u lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex jibagħtu kopja ta’ skema/i ta’ qari bil-Malti fil-livell primarju biex jiġu evalwati.
L-iskemi mibgħuta għandu jkollhom l-istima bi prezzijiet fuq kwantità.
Linji Gwida
L-iskemi jridu jissodisfaw dawn il-kriterji:
- Ikunu miktubin skont ir-regoli attwali tal-ortografija tal-Malti.
- Ikunu konformi mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.
- Ikunu konformi mal-għanijiet u l-miri ta’ tagħlim tas-Sillabu Nazzjonali 2006.
- Jinkludu grafika/illustrazzjonijiet/stampi li jkunu kompatabbli ma’ testi u kuntesti ta’ ġeneri varji.
- Ikunu addattati għal firxa ta’ ħiliet li wieħed isib fl-iskejjel primarji u li jkunu wkoll addattati għal strateġiji diversi ta’ tagħlim skont l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
- Preferibbilment jinkludu riżorsi u materjal ieħor t’għajnuna għall-għalliema.
L-iskemi għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2015 f’nofsinhar, u għandhom jintbagħtu lil:
Is-Sa Anna Frendo (Is-Segretarja)
Il-Bord tal-Għażla
Skemi tal-Kotba tal-Qari bil-Malti (Il-Primarja)
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana
Il-kotba sottomessi jingħataw lura lill-propjetarji fi żmien raġonevoli.
Il-Premju Frans Sammut tfassal bil-għan li jippremja l-użu tajjeb tal-Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din is-sena, il-Premju se jingħata lil dawk l-individwi, entitajiet privati, (għaqdiet, kunsilli lokali, istituzzjonijiet governattivi, mezzi tax-xandir, eċċ.) u skejjel li juru li fil-komunikazzjoni verbali, bil-kitba u elettronika jinqdew bl-ilsien Malti b’mod tajjeb, kreattiv u innovattiv.
L-għalliema kollha tar-Raba’ u tal-Ħames Sena tal-Primarja huma mitluba jaraw il-linji gwida aġġornati tal-eżamijiet annwali tal-Malti ta’ din is-sena skolastika maħruġin mit-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.
Minn Olvin Vella