Il-Kumitat Organizzattiv tal-Premju Frans Sammut li jingħata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jistieden lill-istudenti tal-iskejjel medji, sekondarji u postsekondarji (fosthom l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST) biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni għall-aħjar disinn tat-trofew tal-Premju.
Id-disinn tat-trofew għandu jissodisfa dawn il-kriterji:
a. Id-disinn irid ikollu rabta mal-ilsien Malti jew mal-kultura Maltija;
b. It-trofew irid ikun jista’ jiġi riprodott fi tliet qisien raġonevoli għall-ewwel, it-tieni u t-tielet premju;
ċ. It-trofew irid ikun jista’ jinħadem b’mod fattibbli minn materjali li jinsabu fis-suq;
d. Fuq it-trofew irid ikun hemm spazju fejn jitnaqqxu l-isem tar-rebbieħ/a, il-kategorija u dettalji oħra.
Mad-disinn il-parteċipanti jridu:
a. jindikaw il-materjal/i li minnu jissuġġerixxu li jinħadmu it-trofej;
b. jagħtu l-qisien tat-tliet trofej (l-ewwel, it-tieni u t-tielet post).
Il-parteċipanti għandhom jissottomettu disinn bil-kulur tat-trofew. Jekk jixtiequ, jistgħu jissottomettu wkoll abbozz/mudell tat-trofew. Mad-disinn il-parteċipanti jridu jindikaw b’mod ċar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown, u isem l-iskola fejn jattendu. Id-disinjatur tad-disinn rebbieħ jingħata premju ta’ 100 (mitt) ewro.
Min jixtieq jieħu sehem irid jibgħat id-disinn tiegħu lis-Sa Josephine Borg, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Triq l-Assedju l-Kbir, il-Furjana VLT 2000 sa nofsinhar ta’ nhar it-Tlieta, 30 ta’ Ġunju 2015. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Organizzattiv tkun finali u ma tistax tiġi kkontestata jew appellata. Il-Kumitat għandu d-dritt ma jagħtix il-premju għall-aħjar disinn.