Il-bilingwiżmu fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna

seminar dwar il-bilingwiżmu

Bħalissa qed isir eżerċizzju importanti li qed jifli l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali u jara kif jista’ jittejjeb. Eżerċizzju bħal dan jolqot direttament l-ilsien Malti u l-pożizzjoni tiegħu fit-tagħlim u fl-użu. Jekk hemm qasam fejn il-politika lingwistika trid tkun iċċarata u aġġornata, dan huwa fil-qasam tal-edukazzjoni.

Għaldaqstant dan is-seminar pubbliku, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, għandu jservi bħala forum ta’ diskussjoni ta’ din it-tema ta’ interess nazzjonali.

Il-fehmiet li se jitqassmu lill-udjenza dakinhar tas-seminar issibhom hawnhekk.

Fil-qosor:

SEMINAR NAZZJONALI: Il-bilingwiżmu fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna. X’inhu l-aħjar għal uliedna?

Data: Is-Sibt, 5 ta’ Diċembru 2009

Ħin: 9:00am – 1:00pm

Post: Is-sala tal-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard (il-Kulleġġ San Nikola)

Dħul: B’xejn

Narawk!

Aktar riżorsi għall-għalliema

rizorsiGrazzi lill-għalliema Charmaine Borg (għalliema tar-Raba’ Sena fl-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa) u lill-għalliem Paul Pulis (għalliem tas-Sitt Sena fl-Iskola Primarja ta’ Bormla) li għoġobhom ikunu l-ewwel għalliema li jaqsmu magħna l-karti tat-taħriġ tagħhom.
 
Jekk inti wkoll għandek xi materjal li tixtieq taqsmu magħna, nitolbok tgħaddihulna biex jidher f’ismek f’dan is-sit. Dawn il-karti tat-taħriġ qegħdin intellgħuhom għaliex irridu noħolqu bank tar-riżorsi tal-Malti biex minnu nieħdu l-aħjar ideat li jgħoddu għall-istudenti li qegħdin ngħallmu.

Ir-riżorsi ta’ dawn l-għalliema ssibuhom f’dan is-sit, fit-taqsimiet rispettivi tar-riżorsi tar-Raba’ Sena u tas-Sitt Sena.

X’sar f’Jum Dun Karm

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Ottubru kien Jum Dun Karm. Bis-saħħa ta’ dawn ir-ritratti nistgħu nieħdu idea ta’ żewġ attivitajiet li ttellgħu.

Fil-Furjana saret l-attività annwali quddiem il-monument ta’ Dun Karm (ritratti bil-kortesija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni [DOI])

L-attività xxandret fl-aħbarijiet lokali.

Fl-iskola sekondarja tal-bniet ta’ St Joseph (Tas-Sliema), bħal kull sena, l-istudenti kkommemoraw lil Dun Karm billi għamlu assembly speċjali b’informazzjoni dwar il-poeta u bil-qari ta’ xi poeżiji tiegħu. L-assembly għalqet bil-kant tal-Innu Malti. Din is-sena l-istudenti tellgħu wkoll wirja żgħira dwar il-poeta nazzjonali.

U l-iskola tiegħek x’għamlet? Jekk organizzajtu xi ħaġa, iktbilna biex ninkluduha wkoll f’dan is-servizz.

Mistoqsija u Tweġiba 12

Minn Olvin Vella

staqsiSkont ir-regoli l-ġodda, <bil-mod il-mod> u <fil-fatt> niktbuhom mifrudin?

Iva, niktbuhom mifrudin. <Fil-fatt> tniżżlet mifruda fid-Deċiżjonijiet 1 (Appendiċi B). <Bil-mod> se nkomplu niktbuha mifruda għax ma nsibuhiex fil-lista tal-kliem magħqud (miġbura f’Appendiċi A).

Mela niktbu:

<Bil-mod li qed iġġib ruħek qed turini li inti veru pastaż.>

<Bil-mod il-mod in-nanna waslet id-dar.>

 <Il-ħalliel inqabad fil-fatt.> 

<Fil-fatt ħafna mill-għalliema jkollhom raġun.>

Mistoqsija u Tweġiba 11

Minn Olvin Vella

staqsiGħaliex xi ġenituri jagħmlu għaġeb meta jaraw karta tat-taħriġ ittajpjata bla ittri Maltin?

Jagħmlu għaġeb u bir-raġun.

Illum l-ittri Maltin diġà jiġu mal-kompjuter u huma stallati fil-Word. Kulma trid tagħmel biex tużahom fil-kompjuter tiegħek, tattivahom. Ma tridx tkun xi espert tal-kompjuter.

Mur fil-Control Panel, minn hemm agħfas Regional and Language Options, u agħżel l-Ilsien Malti.

Min jibqa’ ma jafx jattiva l-ittri Maltin, jista’ jniżżel dal-manwal dħuli (user-friendly) jew inkella jistaqsi lil xi għalliem/a tal-ICT.

Li ma tafux tużaw l-ittri Maltin fil-kompjuter tagħkom, kif għedna, mhix skuża.