Kwestjonarju fuq is-Sillabu tal-Ewwel Sena Sekondarja (Kompetenzi Ewlenin)

Il-Kapijiet tal-Iskejjel huma ġentilment mitluba jgħaddu din iċ-ċirkulari u dan il-kwestjonarju lill-għalliema tal-Malti li jgħallmu lill-istudenti tal-Ewwel Sena tas-Sekondarja li qed isegwu l-Programm tal-Kompetenzi Ewlenin (Livelli 4 u 5).

L-għalliema huma mħeġġa jimlew il-kwestjonarju u jibagħtuh lis-Sur David Muscat, Uffiċjal Edukattiv tal-Malti bil-posta f’dan l-indirizz:

Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Kamra 16
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Jistgħu jibagħtuh ukoll bil-posta elettronika f’dan l-indirizz.

Il-kwestjonarji mimlija u xi suġġerimenti oħra għandhom jintbagħtu sal-Erbgħa, 3 ta’ Lulju 2013.

Testi letterarji għall-ħiliet bażiċi

Ġentilment niġbdu l-attenzjoni tal-għalliema tal-Malti li qed jgħallmu l-klassijiet tal-Programm tal-Kompetenzi Ewlenin (CCS) fl-Ewwel u t-Tieni Sena tas-Sekondarja (Form 1 u Form 2) matul is-sena skolastika 2012-2013.

F’din iċ-ċirkulari ssibu l-listi tat-testi letterarji u spjegazzjoni ta’ kemm għandhom jintgħallmu testi lill-istudenti tal-ħiliet bażiċi.

Fit-taqsima tal-Ħiliet Bażiċi – Testi Letterarji (fil-kolonna tal-lemin ta’ dan is-sit) issibu l-kitbiet f’format Word biex tkunu tistgħu tużawhom fil-karti tat-taħriġ u żżidu l-istampi magħhom kif tħossu l-ħtieġa. Issibu wkoll il-mużika tal-kanzunetti.  

Id-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin

Nifirħu lill-għalliema tal-Malti Massabielle Zammit li tgħallem fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, Tal-Ħandaq, fil-Kulleġġ San Injazju, tal-lezzjonijiet li għamlet fuq il-ħobż Malti. Dawn il-lezzjonijiet kienu marbuta mal-proġett tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin, li hu parti mis-sillabu tal-ewwel sena tas-sekondarja.

L-għalliema ħadet lill-istudenti tagħha f’forn tal-familja ta’ wieħed mill-istudenti stess f’Ħal Qormi u hemm l-istudenti mhux biss raw kif issir l-għaġina ta’ għamliet differenti ta’ ħobż, imma saħansitra meddew idejhom għax-xogħol.

Lura fil-klassi, l-istudenti ngħataw sett ta’ mistoqsijiet fuq x’raw u x’tgħallmu miż-żjara u mis-sessjoni prattika fil-forn. Dakinhar l-istudenti ġabu l-ingredjenti magħhom mid-dar u għamlu ftira Maltija fil-klassi.

Fl-aħħar lezzjoni fuq l-istess suġġett, l-għalliema qassmet karta tat-taħriġ bir-riċetta tal-ftira li fiha l-istudenti ntalbu jimlew il-vojt bl-ingredjenti li użaw biex għamlu l-ftira u jqiegħdu għadd ta’ sentenzi f’sekwenza skont l-ordni tar-riċetta.

__________________
Jinteressak das-suġġett? Trid taqra aktar dwaru? Ara dil-preżentazzjoni mit-Taqsima Snajja’ Maltin ta’ dan is-sit.

Karti tat-taħriġ fuq Zito Zandarell

Inroddu ħajr u nifirħu lill-għalliema tal-Malti, is-Sa Tiziana Bugeja, li tgħallem fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet, il-Mosta, tal-Kulleġġ Marija Reġina, talli għoġobha tgħaddilna għadd ta’ karti tat-taħriġ u preżentazzjonijiet fuq il-ktieb Zito Zandarell ta’ Carmel G. Cauchi. Prosit tassew!

Dan il-materjal tajjeb għal dawk l-għalliema li jkunu qed jirrevedu l-ġrajjiet ta’ Zito mal-istudenti tal-ewwel sena tas-sekondarja. L-ewwel sett ta’ karti tat-taħriġ issibuh hawn.

Fit-taqsima tal-Ħiliet Bażiċi tellajna wkoll il-leħħiet tas-sillabi kv u vk għal dawk l-għalliema li jinqdew bil-metodu tal-ispellija biex jgħallmu lill-istudenti tagħhom jaqraw u jiktbu bil-Malti.

Saħħa u tislijiet,

David Muscat
Uffiċjal Edukattiv tal-Malti

Riżorsi tal-Ħiliet Bażiċi

Għeżież għalliema tal-ħiliet bażiċi,

Wara r-rispons li tajtuna fil-korsijiet ta’ taħriġ għall-għalliema tal-ħiliet bażiċi tas-sekondarja li saru fi Frar u Marzu 2012, f’Malta u Għawdex, kull xahar se nibdew intellgħu għadd ta’ riżorsi fit-Taqsima tal-Ħiliet Bażiċi ta’ dan is-sit, biex tinqdew bihom fil-lezzjonijiet tagħkom.

L-ewwel tliet riżorsi huma:

a) l-ittri żgħar tal-alfabett
b) l-ittri kbar tal-alfabett
ċ) lista ta’ kliem ewlieni

Dawn l-ittri u l-kliem jistgħu jiċċekknu u jitkabbru skont il-ħtieġa, u jitqasqsu f’kartini jew leħħiet skont il-miri tat-tagħlim tal-lezzjoni, u l-għadd ta’ studenti u l-ħtiġijiet individwali tagħhom. L-ittri jistgħu jintużaw biex l-istudenti jgħaqqduhom f’sillabi, jekk l-għalliem/a jkun qed juża l-metodu tal-ispellija, jew biex l-istudenti jgħaqqduhom ħoss, ħoss (ittra, ittra) fi kliem ħafif, monosillabiku u l-bqija, jekk l-għalliem/a jkun qed jinqeda bil-metodu fonetiku. Il-kliem jista’ jintuża għal bosta taħriġiet, fosthom mill-għalliema li jinqdew bid-dettat.