Ninfurmawkom li ħarġet sejħa għal għalliem/a tar-riżorsi teknoloġiċi tal-Malti. Aktar dettalji ssibuhom fiċ-Ċirkulari HR97/2013 mit-taqsima taċ-Ċirkularijiet tas-sit.
L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-3 ta’ Ġunju 2013.
Ninfurmawkom li ħarġet sejħa għal għalliem/a tar-riżorsi teknoloġiċi tal-Malti. Aktar dettalji ssibuhom fiċ-Ċirkulari HR97/2013 mit-taqsima taċ-Ċirkularijiet tas-sit.
L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-3 ta’ Ġunju 2013.
Nifirħu lill-għalliema tal-Malti tal-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Santa Venera (mill-Kulleġġ Santa Tereża) li, fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Librerija li ttellgħet fl-iskola tagħhom, organizzaw żewġ laqgħat għall-istudenti mal-awturi Victor Fenech u Carmel G. Cauchi.
Fit-23 ta’ April, l-istudenti kollha tat-Tielet Sena ltaqgħu mal-awtur Victor Fenech. Miegħu ddiskutew diversi aspetti tal-letteratura u l-lingwistika Maltija. Victor Fenech ħa gost iwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu. Fenech tkellem ukoll fuq dawk l-affarijiet li jispirawh biex jikteb u fuq il-fatt li l-lingwa Maltija hi ħajja u dinamika. Għalhekk qiegħda dejjem tinbidel u m’għandniex għax nistagħġbu b’ lessiku ġdid li minn żmien għal żmien jidħol fiha.
Min-naħa tiegħu, l-awtur u l-Eks Assistent Kap ta’ skola, Carmel G. Cauchi ltaqa’ mal-istudenti tal-Ewwel Sena. Dawn kienu ppreparati bil-mistoqsijiet, b’materjal maħdum minnhom stess (li ttella’ f’wirja) u b’għadd ta’ kotba miktuba minnu. Cauchi ffirmalhom ħafna minnhom u kellimhom fuq l-esperjenza tal-kitba tiegħu.
Bl-apprezzament muri minn dawn l-istudenti, konvinti li laqgħat oħra bħal dawn jirnexxu u jkomplu jressquhom dejjem aktar lejn il-kotba u l-libreriji tagħna. Inħeġġu lil skejjel oħra biex, bħalma għamlu dawn l-għalliema ta’ Santa Venera, ilaqqgħu wkoll lill-istudenti tagħhom mal-awturi tal-letteratura Maltija.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jgħarraf li fetħu l-applikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2013 għall-aħjar xogħlijiet bil-Malti u b’lingwa oħra li ġew ippubblikati għall-ewwel darba fi ktieb matul l-2012.
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand is-Segretarju, Il-Librerija Pubblika Ċentrali, Il-Furjana mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju 2013.
Tagħrif ieħor issibuh mis-sit tal-Kunsill tal-Ktieb.
Huwa ta’ pjaċir għalina li naraw li dan is-sit ma jintużax biss hawn Malta. Dan ifisser li l-iskop tagħna qed nilħquh, jiġifieri li ninfirxu mal-Maltin kollha li jinsabu f’kull rokna tad-dinja.
Insellu b’mod speċjali għall-membri tal-Grupp Letteratura Maltija Ink. li jinsabu f’Victoria l-Awstralja, u li għoġobhom jagħmlulna referenza fil-folju tagħhom. Prosit tax-xogħol li qed isir biex il-Malti jibqa’ jistagħna f’artijiet hekk imbiegħda.
Minn hawnhekk inħeġġu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li jgħixu barra biex ikomplu jużaw ilsienna mal-familji u l-komunitajiet tagħhom.
Nifirħu lid-Dipartiment tal-Malti tal-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Ħaż-Żebbuġ (Il-Kulleġġ San Ġorġ Preca) tal-attività ta’ tifkira li organizza f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali u tal-laqgħa sabiħa li ppjana għall-istudenti mal-awtur Carmel G. Cauchi.
Tista’ taqra aktar fuq dawn iż-żewġ attivitajiet minn hawn.
Nirringrazzjaw lis-Sur Marlon Barbara, Kap tad-Dipartiment, u lill-għalliema tal-Malti tax-xogħol li qed jagħmlu.