X’sar f’Jum Dun Karm

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Ottubru kien Jum Dun Karm. Bis-saħħa ta’ dawn ir-ritratti nistgħu nieħdu idea ta’ żewġ attivitajiet li ttellgħu.

Fil-Furjana saret l-attività annwali quddiem il-monument ta’ Dun Karm (ritratti bil-kortesija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni [DOI])

L-attività xxandret fl-aħbarijiet lokali.

Fl-iskola sekondarja tal-bniet ta’ St Joseph (Tas-Sliema), bħal kull sena, l-istudenti kkommemoraw lil Dun Karm billi għamlu assembly speċjali b’informazzjoni dwar il-poeta u bil-qari ta’ xi poeżiji tiegħu. L-assembly għalqet bil-kant tal-Innu Malti. Din is-sena l-istudenti tellgħu wkoll wirja żgħira dwar il-poeta nazzjonali.

U l-iskola tiegħek x’għamlet? Jekk organizzajtu xi ħaġa, iktbilna biex ninkluduha wkoll f’dan is-servizz.

Mistoqsija u Tweġiba 12

Minn Olvin Vella

staqsiSkont ir-regoli l-ġodda, <bil-mod il-mod> u <fil-fatt> niktbuhom mifrudin?

Iva, niktbuhom mifrudin. <Fil-fatt> tniżżlet mifruda fid-Deċiżjonijiet 1 (Appendiċi B). <Bil-mod> se nkomplu niktbuha mifruda għax ma nsibuhiex fil-lista tal-kliem magħqud (miġbura f’Appendiċi A).

Mela niktbu:

<Bil-mod li qed iġġib ruħek qed turini li inti veru pastaż.>

<Bil-mod il-mod in-nanna waslet id-dar.>

 <Il-ħalliel inqabad fil-fatt.> 

<Fil-fatt ħafna mill-għalliema jkollhom raġun.>

Mistoqsija u Tweġiba 11

Minn Olvin Vella

staqsiGħaliex xi ġenituri jagħmlu għaġeb meta jaraw karta tat-taħriġ ittajpjata bla ittri Maltin?

Jagħmlu għaġeb u bir-raġun.

Illum l-ittri Maltin diġà jiġu mal-kompjuter u huma stallati fil-Word. Kulma trid tagħmel biex tużahom fil-kompjuter tiegħek, tattivahom. Ma tridx tkun xi espert tal-kompjuter.

Mur fil-Control Panel, minn hemm agħfas Regional and Language Options, u agħżel l-Ilsien Malti.

Min jibqa’ ma jafx jattiva l-ittri Maltin, jista’ jniżżel dal-manwal dħuli (user-friendly) jew inkella jistaqsi lil xi għalliem/a tal-ICT.

Li ma tafux tużaw l-ittri Maltin fil-kompjuter tagħkom, kif għedna, mhix skuża.

Mistoqsija u Tweġiba 10

staqsiMinn Olvin Vella

Kliem bħal <ljunfant> u <ljun> jibda bil-vokali <i>?

Dawn iż-żewġ kelmiet, li huma popolari fil-kotba tal-istudenti ż-żgħar nett, jieħdu l-vokali tal-leħen meta l-ewwel ittra tagħhom (il-konsonanti <l>) titħaxken bejn żewġ konsonanti oħra jew inkella tinzerta fil-bidu tas-sentenza.

Imma jekk tfittixhom f’dizzjunarju, issibhom it-tnejn taħt l-ittra <L>: <ljunfant> u <ljun> għax imnisslin mit-Taljan qadim <leonfante> u mit-Taljan modern <leone>.

Mela niktbu: <żewġ iljunfanti>, <raw iljunfanti żgħar> imma <ħafna ljunfanti>.

Ir-raġuni għala fil-Malti dawn il-kelmiet ma jibdewx bil-vokali <i> hija regola tal-1984. Skont din ir-regola, kelma Maltija tieħu vokali fil-bidu jekk dik il-vokali tkun tinsab ukoll fil-kelma oriġinali (Żieda, Ċ1).

Kif għedna fi tweġiba oħra, din ir-regola nsibuha diffiċli biex ngħallmuha lill-istudenti ż-żgħar għax inkunu qed nitolbuhom ikunu jafu l-lingwi barranin biex jiktbu bil-Malti. Nissuġġerixxu li meta fil-klassi taż-żgħar irridu nagħtu xi eżempji ta’ kliem li jibda bil-konsonanti <L>, nagħtuhom <linfa> u <lunapark> flok <ljunfant> u <ljun> għax żgur ma jitfixklux.

L-istess tattika rridu nużaw fejn jidħlu l-konsonanti likwidi l-oħra. Flok iż-żewġ kelmiet <mħaded> u <mkatar>, li fid-dizzjunarju nsibuhom taħt l-ittra <M>, ejjew nagħtuhom <maxtura> u <mappa> għax dawn ma jippreżentawx problemi għall-istudenti ż-żgħar.

Ħa jiġi żmien meta l-istudenti jintalbu jfittxu fid-dizzjunarju u jipprovaw isibu l-kliem Malti minn fejn hu mnissel… imma dak iktar jixraq isir meta l-istudenti jkunu kibru u jkunu bdew jattendu s-Sekondarja.

Mistoqsija u Tweġiba 09

Minn Olvin Vella

staqsiSkont ir-regoli l-ġodda, <Mtarfa> u <Mdina> bl-artiklu jinkitbu <l-iMtarfa> u <l-iMdina>?

Le. Għandna nibqgħu niktbu <l-Imtarfa><l-Imdina>.

Ir-regoli jgħidu biss li meta isem xjentifiku (ara Deċiżjonijiet 1, 2.4) jew isem ta’ prodott (ara Żieda, Ċ 11 (ċ)) jieħu l-vokali tal-leħen fuq quddiem, jibqa’ jinkiteb b’ittra kbira, ngħidu aħna <l-iStegosaurus>, <l-iStromatopteris>, <l-iSprite> u <l-iStergene>.

Imma l-ismijiet Maltin tal-postijiet jibqgħu jinkitbu bħal qabel: <l-Imtarfa>, <l-Imdina>.