Minn Olvin Vella
Kliem bħal <ljunfant> u <ljun> jibda bil-vokali <i>?
Dawn iż-żewġ kelmiet, li huma popolari fil-kotba tal-istudenti ż-żgħar nett, jieħdu l-vokali tal-leħen meta l-ewwel ittra tagħhom (il-konsonanti <l>) titħaxken bejn żewġ konsonanti oħra jew inkella tinzerta fil-bidu tas-sentenza.
Imma jekk tfittixhom f’dizzjunarju, issibhom it-tnejn taħt l-ittra <L>: <ljunfant> u <ljun> għax imnisslin mit-Taljan qadim <leonfante> u mit-Taljan modern <leone>.
Mela niktbu: <żewġ iljunfanti>, <raw iljunfanti żgħar> imma <ħafna ljunfanti>.
Ir-raġuni għala fil-Malti dawn il-kelmiet ma jibdewx bil-vokali <i> hija regola tal-1984. Skont din ir-regola, kelma Maltija tieħu vokali fil-bidu jekk dik il-vokali tkun tinsab ukoll fil-kelma oriġinali (Żieda, Ċ1).
Kif għedna fi tweġiba oħra, din ir-regola nsibuha diffiċli biex ngħallmuha lill-istudenti ż-żgħar għax inkunu qed nitolbuhom ikunu jafu l-lingwi barranin biex jiktbu bil-Malti. Nissuġġerixxu li meta fil-klassi taż-żgħar irridu nagħtu xi eżempji ta’ kliem li jibda bil-konsonanti <L>, nagħtuhom <linfa> u <lunapark> flok <ljunfant> u <ljun> għax żgur ma jitfixklux.
L-istess tattika rridu nużaw fejn jidħlu l-konsonanti likwidi l-oħra. Flok iż-żewġ kelmiet <mħaded> u <mkatar>, li fid-dizzjunarju nsibuhom taħt l-ittra <M>, ejjew nagħtuhom <maxtura> u <mappa> għax dawn ma jippreżentawx problemi għall-istudenti ż-żgħar.
Ħa jiġi żmien meta l-istudenti jintalbu jfittxu fid-dizzjunarju u jipprovaw isibu l-kliem Malti minn fejn hu mnissel… imma dak iktar jixraq isir meta l-istudenti jkunu kibru u jkunu bdew jattendu s-Sekondarja.