Il-Bank tar-Riżorsi tal-Malti

Nagħtikom merħba f’dan il-blogg tal-Malti. Konna ilna naħsbu biex noħolqu din l-għodda elettronika għalikom l-għalliema tal-primarja biex mhux biss tkunu informati bl-aħħar tagħrif fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Malti, imma jkollkom ukoll riżorsi differenti biex tieħdu ideat minnhom u tużawhom fil-klassijiet tagħkom.

Huwa għalhekk li ddeċidejna li nsemmu dan il-blogg “Il-Bank tar-Riżorsi tal-Malti”. Ir-riżorsi ssibhom mill-menù ta’ fuq u mit-taqsimiet tal-ġenb.

Imma ma nistgħux nibnu bank ta’ riżorsi jekk inti wkoll ma tagħtix sehmek. Jekk għandek xi materjal li tixtieq taqsmu magħna, nitolbuk tgħaddihulna, u jidher f’ismek. Iktar ma jkollna materjal, iktar ikollna riżorsi differenti li nkunu nistgħu nużawhom mal-istudenti ta’ livelli differenti.

Jekk għandek xi kumment jew tixtieq tiltaqa’ magħna, iktbilna.

David Agius Muscat
Uffiċjal tal-Edukazzjoni għall-Malti

Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460

Tel. (+356) 2558 7101

Kotba ġodda għat-tagħlim tal-Malti

Sejħa għal kotba ġodda tal-lingwa Maltija għat-3 u r-4 Sena tal-Primarja

Id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ħareġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern (tal-14 ta’ Mejju 2010, nru 18,593, p. 4185) għal sottomissjoni ta’ kotba tal-lingwa Maltija tat-3 u tar-4 Sena tal-Primarja. Is-sejħa tagħlaq il-Ħamis, it-3 ta’ Ġunju 2010. 

Kotba ġodda tal-lingwa Maltija għall-5 u s-6 Sena tal-Primarja

Mis-sena skolastika li jmiss (Settembru 2010) il-klassijiet tal-5 u s-6 Sena tal-Primarja se jkunu qed jużaw dawn il-kotba:

Stilel 5 u Kalejdoskopju 5 għall-5 Sena

Stilel 6 u Kalejdoskopju 6 għas-6 Sena

Il-proċess kollu biex jintgħażlu l-kotba ħa sena. Fl-14 ta’ April 2009 deher l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern (nru 18,403) bl-isem “Sejħa għal Sottomissjoni ta’ Kotba għall-Kors tal-Lingwa Maltija għall-5 u s-6 Sena – Livell Primarju”. Il-kotba daħlu sat-28 ta’ dak ix-xahar stess u sadattant id-Direttorat ħatar bord ta’ esperti biex jagħżlu l-kotba. Dan il-bord kien magħmul minn għalliema fl-università u minn għalliema tal-5 u tas-6 Sena tal-primarja, immexxi minn uffiċjal fid-Direttorat. Il-bord fassal ċekkjatura biex jevalwa l-kotba u ltaqa’ tmintax-il darba.

Dawn il-kotba l-ġodda li se jidħlu fil-klassijiet tagħna se jkunu qed jieħdu post il-kotba Noli Noli (1, 2) u Nimxu Flimkien (9-12).

Għaldaqstant, b’sodisfazzjon, fil-klassijiet tal-primarja l-ilsien Malti qed nagħtuh nifs ġdid b’kotba ġodda li huma aktar attwali maż-żminijiet tal-lum u mat-tfal tagħna. Grazzi lil kull min ta sehmu fil-bord u nirringrazzja wkoll lill-pubblikaturi kollha li qed joffru lit-tfal tagħna riżorsi edukattivi sbieħ u ta’ kwalità tajba ħafna.

Nota: L-għalliema huma mitluba jgħarrfu lill-istudenti tagħhom biex ma jiktbux fuq dawn il-kotba. Dawn jinġabru fl-aħħar tas-sena skolastika biex jerġgħu jitqassmu fis-snin ta’ wara. Ara din iċ-ċirkulari dwar dan.

Ilsien it-Trabi

Illum il-ġurnata tisma’ ħafna Maltin ikellmu lit-tfal żgħar tagħhom bi lsien it-trabi (motherese) li ġej mill-Ingliż. Ngħidu aħna, tisma’: horsey, shoesy, u doggy.

Jekk inti tixtieq tkellem lit-tfal żgħar tiegħek bi lsien it-trabi, ftakar li l-ġenituri tagħna kienu jużaw magħna kliem bħal: tuttu (għal żiemel) u kukka (għal bajda). Jekk trid il-lista sħiħa agħfas hawnhekk. Jekk taf bi kliem ieħor, iktbilna u għaddihulna.

Ftakar li l-lingwa Maltija tibqa’ ħajja dment li inti tiddeċiedi tużaha.

Kors ta’ aġġornament 2010

Wara s-suċċess miksub sentejn ilu bl-ewwel kors ta’ aġġornament ikkoordinat mill-Uffiċjal Edukattiv David Agius Muscat u mmexxi bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, din is-sena applikaw 44 għalliem għal dan il-kors volontarju.

Din is-sena l-kors se jiffoka fuq l-aġġornament tal-grammatika, ir-riżorsi marbutin mal-proġett tal-lingwa, it-tħaddim tal-Malti bil-kompjuter u taħriġ fl-ortografija.

Ara l-programm tal-kors

Il-materjal b’rabta mat-taqsima fuq il-Malti u l-kompjuter (tal-Ħamis) issibu hawn:

Fil-qosor:

Kors Volontarju ta’ Aġġornament tal-Malti għall-Għalliema (V 35/10)
L-Użu tal-Malti fil-Kompjuter u Aġġornament tat-Tagħlim tal-Morfoloġija, l-Ortografija u l-Istorja tal-Lingwa

POST: Iċ-Ċentru tal-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli, Sala A, l-Università, l-Imsida
DATI: Is-7, it-8 u d-9 ta’ Lulju 2010
ĦIN: 8.30 am – 12.30 pm