Mistoqsija u Tweġiba 15

Minn Olvin Vella

staqsi

L-istudenti ta’ sikwit jgħidu <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Jiena dejjem ngħid <ejja>, <kul> u <ħu> imma m’iniex ċerta jekk humiex qed jgħiduha ħażin. Liema hi t-tajba?

Fil-kotba tal-grammatika l-forom milqugħa huma <ejja>, <kul> u <ħu> biss.

<Iġi> naħseb li lkoll smajnieha fil-klassijiet iż-żgħar nett imma l-istudenti aktarx jaqilbu għal <ejja> huma u jikbru. Jitgħallmu jgħidu <ejja> mingħand l-għalliema, jew mingħand il-ġenituri meta jikkoreġuhom biex jitkellmu tajjeb.

<Iekol> hija mifruxa ħafna u jgħiduha anki l-kbar. Interessanti li nsibuha rreġistrata fil-ħrejjef miġburin minn Patri Manwel Magri fil-bidu tas-seklu 20 (ara, ngħidu aħna, Il-Ħrafa tax-Xhur: “Oqgħod baxx,” qalulu, “u iekol magħna.”). Patri Magri huwa meqjus wieħed mill-awturi klassiċi tagħna.

Il-forom <iġi>, <iekol> u <ħu>, għalkemm iċċensurati fil-kotba tal-grammatika, fil-fatt huma mibnija skont mudell grammatikali. F’ċerta età, it-tfal żgħar ikunu qabdu r-regola ta’ kif isawru l-imperattiv imqar jekk ikunu għadhom ma qabdux lapes b’idhom, u jimxu għar-rink*.

Jirraġunaw xi ħaġa hekk:

Jekk minn tixrob u tiġri nnisslu l-kmand int ixrob!, int iġri! …
… mela minn tiġi, tiekol, tieħu nnisslu: *int iġi!, *int iekol!, *int ieħu!

Ikunu qed jaqtgħu barra l-prefiss t- tal-konjugazzjoni tal-imperfett.

Din il-ġeneralizzazzjoni tar-regola nsejħulha l-livellar morfoloġiku. Għal każi fl-Ingliż ara din.

Nagħmlu tajjeb jekk fil-lezzjoni nikkoreġu l-forom <iġi>, <iekol> u <ieħu>. Imma nagħmlu aħjar jekk, waqt li nikkoreġuhom, lill-istudenti nfissrulhom l-għaliex joħorġu b’dawn il-forom.

* “għar-rink” hija idjoma Maltija. Tfisser jaqtgħu għad-dritt, bla ma jagħżlu.

Mistoqsija u Tweġiba 14

Minn Olvin Vella

staqsiIl-kelma <biżgħa> teżisti?

Din il-forma hija tajba imma fil-fatt ma tintużax.

Mill-verb <huwa beża’> innisslu n-nom verbali <il-biża’>.

Normalment, min-nom verbali nnisslu dejjem nom tal-unità (i.e. marbut ma’ azzjoni waħda) u l-plural magħdud (i.e. jgħodd minn 2-10).

Ngħidu aħna:

Eż. 1 Eż. 2
verb: huwa qabeż verb: huwa għam
nom verbali: il-qbiż nom verbali: l-għawm
nom tal-unità: il-qabż|a nom tal-unità: l-għawm|a
plural magħdud: il-qabż|iet plural magħdud: l-għawm|iet

 
Fil-każ ta’ din il-mistoqsija, ninnutaw dan li ġej:

verb: huwa beża’

nom verbali: il-biża’

nom tal-unità: *il-biżgħ|a. (B’asteriska għax dil-forma ma tintużax.)

plural magħdud: il-beżgħ|at. (Il-plural magħdud jintuża!)
 
Ġeneralment, in-nom verbali huwa maskil u singular, kif jidher f’dawn l-eżempji:

1) Il-qbiż tal-ħabel tajjeb għas-saħħa.

2) L-għawm kmieni waranofsinhar aħarbu.

3) Il-biża’ mill-fatat ili ma nisma’ bih.
 
Madankollu, nomi verbali bħal <biża’> u <wisa’> (it-tielet radikali tagħhom hi GĦ) u <ħefa> u <għana> (it-tielet radikali hi J) hawn min iqishom femminil.

Ngħidu aħna,

1) Il-biża’ mill-ħares kienet kbira wisq.

2) Il-wisa’ tal-bini tkejjilhiex b’idejk.

3) Il-ħefa (i.e. id-drawwa li timxi ħafi) nqatgħet mit-toroq.

4) L-għana mhix popolari daqs il-hip hop.
 
Din il-bidla fil-ġens tan-nomi verbali tikkaratterizza l-forom li fit-taħdit nisimgħuhom jintemmu “-a” (biża’, wisa’, ħefa, għana).

Mistoqsija u Tweġiba 13

Minn Olvin Vella

staqsiX’għandna niktbu  <issuġġerit> jew <suġġerit>?

1. It-tnejn tajbin. Ir-regola li rridu nżommu d-duplikazzjoni tal-konsonanti tal-bidu tiswa biss għall-verbi.

Verb
kkanċella, jikkanċellaw
pprotesta, nipprotestaw

Partiċipji Passivi
ssuġġerit, suġġerit
pprotestat, protestat

2. Mhux il-partiċipji passivi kollha għandhom żewġ forom varjanti.

Verb
pparkja

Partiċipju Passiv
pparkjat (mhux parkjat).

3. Ninnutaw ukoll li ċerti forom tal-partiċipji passivi mhumiex meqjusin standard allavolja (i) jinstemgħu u (ii) l-forma tagħhom hi grammatikalment korretta.

Partiċipji Passivi
suġġerit, ssuġġerit, ssuġġerut
deċiż, ddeċidut

Ninnotaw li “ssuġġerut” u “ddeċidut” ma jitqisux standard għax il-kelliema ma jpoġġuhomx fl-istess livell tal-forom l-oħra, imma taħthom. Lil dawn il-forom “inferjuri” ħafna drabi norbtuhom mal-kelliema li mhumiex tal-iskola (għax min tgħallem it-Taljan l-iskola jaf li oriġinarjament kienu suggerito u deciso).

Madankollu, kif għedna hawn fuq, grammatikalment “ssuġġerut” u “ddeċidut” huma mibnija “tajjeb” bħal “ċedut”, “spiċċut”, “emmnut”.

Tgħiduli, huwa ġust allura li forom bħal issuġġerut, li l-unika ħtija tagħhom hija li meta daħlu fil-Malti ma komplewx jimxu bħall-oriġinal fit-Taljan, jinqatgħu mill-Malti Standard? Lingwistikament ma jagħmilx sens li nagħżlu bejn forma u oħra skont l-oriġini tagħhom.

Madankollu, il-kelliema jagħmlu dawn l-għażliet il-ħin kollu. Ċertu kliem jiġi ’l quddiem minħabba l-moda (eż. bomba – “offerta bomba”) u kliem ieħor għaddej minn agunija (eż. qabla u moxt). Għax il-lingwa hi ħajja f’ħalqna u AĦNA qed nagħżlu l-ħin kollu x’ngħidu biex inħossuna milqugħin min-nies ta’ madwarna.

4. Xi drabi żewġ forom varjanti jiksbu tifsira differenti.
eż. “Mark huwa konfuż” ma tfissirx li “Mark huwa kkonfondut”.

Iltaqa’ ma’ Kittieb Malti (kors)

Id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jtellgħu l-kors għall-adulti ‘Iltaqa’ ma’ Kittieb Malti’ bejn Ottubru 2010 u Mejju 2011.

Dan il-kors se jagħti l-opportunità lil dawk preżenti li jiltaqgħu mal-kittieba tagħna b’mod mill-iktar informali.  Fil-kors se jieħdu sehem l-awturi ewlenin ta’ pajjiżna u ħa jkunu mistħarrġa diversi ġeneri ta’ kitba.  Il-kors hu miftuħ ħafna u se jħadden firxa wiesgħa sew ta’ awturi.

L-applikazzjonijiet jiġu milqugħa mid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja bejn l-20 ta’ Awwissu u 3 ta’ Settembru 2010.

Min interessat, mitlub jikseb iktar informazzjoni billi jċempel fuq 2598 2444 jew jikteb: eveningcourses.meef@gov.mt.