Il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2010

Il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb din is-sena se ssir bejn l-10 u l-14 ta’ Novembru 2010 f’Dar il-Mediterran, il-Belt.

Il-Fiera hi organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u d-Dipartiment tal-Libreriji u ilha ssir mis-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin. Il-Fiera llum saret parti importanti mill-kalendarju kulturali Malti u qed iżuruha ’l fuq minn 18,000 ruħ kull sena.

Il-Programm

L-Erbgħa 10 ta’ Novembru
19.30 – Bronk iniedu l-ktieb ta’ Staqsi lir-Riħ ta’ Salv Sammut

Il-Ħamis 11 ta’ Novembru
19.15 – Horizons iniedu l-ktieb Il-Lejl tal-Irġulija ta’ Sergio Grech.

Il-Ġimgħa 12 ta’ Novembru
19.30 – Merlin Library Ltd iniedu l-ktieb Penumbra ta’ Trevor Żahra

Is-Sibt 13 ta’ Novembru
10.30 u 11.30 – Preżentazzjoni minn Birdlife Malta
16.30 – Librerija Preca tippreżenta numru ta’ pubblikazzjonijiet tagħha.
20.00 – Merlin Library Ltd jippreżentaw Tset-sik

Il-Ħadd 14 ta’ Novembru
10.30 – Franny Jo Publications u Kottoner Media jippreżentaw Manwel Dimech fi Kliemi ta’ Mark F. Montebello
14.00 – Preżentazzjoni minn Birdlife Malta
15.00 – Preżentazzjoni minn Birdlife Malta
16.00 – Preżentazzjoni minn Birdlife Malta
18.00 – Librerija Preca tippreżenta Perichoresis – A Meditation on the Icon of Our Lady of Damascus ta’ Peter Serracino Inglott.

Id-dħul għall-fiera hu mingħajr ħlas.

Il-Fiera se tiftaħ kif ġej:

L-Erbgħa 10 ta’ Novembru:  Mid-9.00 a.m. sas-1.30 p.m. u mill-5.00 p.m. sad-9.00 p.m.
Il-Ħamis 11 ta’ Novembru: Mid-9.00 a.m. sas-1.30 p.m. u mill-5.00 p.m. sad-9.00 p.m.
Il-Ġimgħa 12 ta’ Novembru: Mid-9.00 a.m. sas-1.30 p.m. u mill-5.00 p.m. sal-10.00 p.m.
Is-Sibt 13 ta’ Novembru: Mid-9.00 a.m. san-12.30 p.m. u mill-4.00 p.m. sal-10.00 p.m. 

Il-Ħadd: Il-Fiera tiftaħ il-jum kollu, mingħajr għeluq.

Min hu interessat jista’ wkoll jakkwista l-katalgu li fost l-oħrajn fih kontribuzzjonijiet interessanti minn Charles Casha, Sergio Grech, Olvin Vella, William Zammit u Trevor Żahra.

Għal dawk li jaqtgħu qalbhom li jimxu sa Dar il-Mediterran, hemm it-trasport ipprovdut, bi ħlas, mill-venda ta’ Bieb il-Belt.

Wara Jum Dun Karm 2010…

Il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Festi Nazzjonali u d-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni tellgħu ċerimonja simbolika f’ġieħ Dun Karm maġenb il-monument tiegħu, il-Furjana. Għal din iċ-ċerimonja attendew is-Segretarju Parlamenti taż-Żgħażagħ u Sport, l-Onorevoli Clyde Puli, is-Sindku tal-Furjana s-Sur Nigel Holland, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ is-Sur Alfred Grixti, u uffiċjali mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.
 
Nifirħu lill-iskola primarja tal-Furjana u l-kor tat-tfal tagħha li kantawlna l-Innu ta’ Filgħodu u l-Innu Nazzjonali. Nifirħu wkoll lill-istudenti kollha li taw sehemhom għal din l-okkażjoni, b’mod speċjali lil Sara Vella mill-iskola ta’ St Joseph, Tas-Sliema, li qrat L-Innu ta’ Filgħodu; lil Charlton Mifsud u Brandon Sciberras mill-iskola F.X. Attard, il-Marsa, mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca li qraw Żewġ Qronfliet; lil Jake Farrugia mill-iskola tas-Seminarju, ir-Rabat, li qara Lil Malta, u lil Jessica Galea mill-iskola Sekondarja tal-Bniet, mill-Kulleġġ Santa Margerita li qrat Malta Ġawhra tal-Mediterran.
 
Għal din l-okkażjoni nnutajna li ġew bosta nies oħra kif ukoll rappreżentanti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Arti u l-Kultura, u mill-Akkademja tal-Malti. Ġew ukoll studenti minn bosta skejjel u kulleġġi fosthom: il-Kulleġġi San Ġorġ Preca, Santa Margertita, Sant’Injazju, is-Seminarju tar-Rabat, St Joseph ta’  Tas-Sliema, u Giovanni Curmi tan-Naxxar.
 
Is-Sur Joseph P. Borg mexxa din iċ-ċerimonja.

Ara l-album bir-ritratti ta’ din l-attività minn hawn [ppt]

Nifirħulhom

Nifirħu lill-Iskola Sekondarja tal-Bniet ta’ Bormla, tal-Kulleġġ Santa Margerita, tal-inizjattiva sabiħa tagħhom f’ġieħ Dun Karm u l-Innu Nazzjonali.

Il-lapida li fiha l-kliem tal-Innu Nazzjonali u li tinsab fid-daħla tal-iskola kienet marret biż-żmien u bis-saħħa tas-Sur Vincent Bonnici ġiet irrestawrata mill-ġdid. Għall-kxif tal-lapida, il-Kap tal-Iskola, is-Sur James Camilleri, bl-għajnuna tal-Assistenti Kapijiet, is-Sinjuri Joe Ellul, Frans Borg u Doreen Costa u bl-għajnuna tal-għalliema, organizzaw ċerimonja simbolika li għaliha attendew l-Onorevoli Stephen Spiteri, l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Stephen Cachia, u uffiċjali mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

 

Ħadna pjaċir nisimgħu l-kant tal-Innu Nazzjonali minn kor ta’ studenti tfajliet, immexxijin mill-għalliema Joanna  Mallia u Jacob Portelli.  Prosit ukoll lill-għalliema tal-Malti u l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, is-Sur George Mifsud, li ħejjew lill-istudenti għal din iċ-ċerimonja. 

Nieħdu pjaċir nilqgħu dawn l-istedniet li matulhom inħossuna lkoll magħqudin u kburin li aħna Maltin. Jalla jkollna aktar inizjattivi sbieħ bħal dawn. 

Is-Siegħa tal-Kittieba

Din hi sensiela ta’ intervisti diretti ma’ għaxar kittieba.

Post: Is-Sala tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. Id-dħul huwa b’xejn.

Ħin:  Kull intervista tibda fis-7.30pm u ddum siegħa.

 

L-Iskeda tas-Sigħat

14-10-10  ĠORĠ BORG

     28-10-10  JOE FRIGGIERI

11-11-10   ĠUŻI GATT

           25-11-10  SIMONE INGUANEZ

          09-12-10  OLIVER FRIGGIERI

           20-01-11  LINA BROCKDORFF

    03-02-11  TREVOR ŻAHRA

17-02-11  ALFRED SANT

     03-03-11  WALID NABĦAN

    10-03-11  VICTOR FENECH

Konferenza fuq il-Qari ta’ Qabel l-Irqad

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jorganizza konferenza ta’ jum dwar il-Qari qabel l-Irqad (Bedtime Reading) nhar is-Sibt 23 ta’ Ottubru, 2010 fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana.

Il-konferenza se tkun indirizzata minn bosta kelliema minn diversi oqsma u għandha l-għan li tinforza l-importanza ta’ dan is-suġġett.

Il-Kunsill min-naħa tiegħu, permezz tal-Konferenza se jkun qed iniedi programm ta’ attivitajiet mifruxa fuq tliet snin fejn jidħol il-qari qabel l-irqad.

Il-Konferenza hi miftuħa għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-qari u jixtiequ jħeġġu din il-kultura sabiħa. 

Dawk interessati li jieħdu sehem huma mitluba jimlew il-formola li tinkiseb mill-indirizz elettroniku info@ktieb.org.mt. Din għandha tintbagħat flimkien ma’ ħlas ta’ €10. Iċ-ċekkijiet għandhom jinkitbu fuq il-‘Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb’. Il-prezz  tal-ikel se jkun issussidjat. Mill-istess indirizz elettroniku wieħed jista’ jikseb iktar tagħrif kif ukoll il-programm sħiħ tal-konferenza.