Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jorganizza konferenza ta’ jum dwar il-Qari qabel l-Irqad (Bedtime Reading) nhar is-Sibt 23 ta’ Ottubru, 2010 fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana.
Il-konferenza se tkun indirizzata minn bosta kelliema minn diversi oqsma u għandha l-għan li tinforza l-importanza ta’ dan is-suġġett.
Il-Kunsill min-naħa tiegħu, permezz tal-Konferenza se jkun qed iniedi programm ta’ attivitajiet mifruxa fuq tliet snin fejn jidħol il-qari qabel l-irqad.
Il-Konferenza hi miftuħa għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-qari u jixtiequ jħeġġu din il-kultura sabiħa.
Dawk interessati li jieħdu sehem huma mitluba jimlew il-formola li tinkiseb mill-indirizz elettroniku info@ktieb.org.mt. Din għandha tintbagħat flimkien ma’ ħlas ta’ €10. Iċ-ċekkijiet għandhom jinkitbu fuq il-‘Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb’. Il-prezz tal-ikel se jkun issussidjat. Mill-istess indirizz elettroniku wieħed jista’ jikseb iktar tagħrif kif ukoll il-programm sħiħ tal-konferenza.