Kors għall-għalliema tas-Sekondarja li ma jgħallmux il-Malti

It-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel sekondarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja bl-isem ‘L-Ortografija tal-Malti’.

Dan il-kors huwa mmirat għall-għalliema tas-sekondarja li mhumiex għalliema tal-Malti, imma li jużaw il-Malti fit-tagħlim, jew iħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija.

Tagħrif ieħor minn din iċ-ċirkulari. L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa, 30 ta’ Marzu 2015.

Kors fuq it-tagħlim tal-Malti lill-barranin

avvizNhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Frar 2015, se jsir kors dwar it-tagħlim tal-Malti lil studenti barranin. Kull skola Medja u Sekondarja hi mitluba tibgħat għalliem wieħed jew waħda, li preferibbilment qed j/tgħallem il-Malti lill-barranin.

Fil-kors se jkun hemm sessjonijiet teoretiċi u oħrajn prattiċi.

Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu minn din iċ-ċirkulari.

Kors għall-għalliema tas-sekondarja

avvizL-għalliema kollha fl-iskejjel sekondarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) – b’mod speċjali dawk li jużaw il-Malti fit-tagħlim – u jħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija, huma mistiedna jattendu għal kors ta’ aġġornament volontarju organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.

Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu minn din iċ-ċirkulari.

Dan il-kors hu miftuħ għall-għalliema kollha tas-sekondarja. Tajjeb infakkru li ġie organizzat kors ieħor għall-għalliema tal-Malti biss li jgħallmu fl-iskejjel sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Tagħrif ieħor fuqu ssibu minn din iċ-ċirkulari.

Kors għall-għalliema tal-primarja

avvizDawk kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji (tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti) huma mħeġġa jattendu għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja bl-isem L-Ortografija tal-Malti 1.

Dan hu kors ieħor organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Il-kors se jsir fil-Kulleġġ San Injazju, Skola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq (Ħal Qormi). Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu f’din iċ-ċirkulari.

Grazzi lill-Kap tal-Iskola, is-Sa Marija Montebello, li għoġobha tilqagħna għal dawn il-korsijiet fl-iskola tagħha.

Kors għall-għalliema f’Għawdex

avvizIt-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jistiednu lill-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti għal kors ta’ aġġornament fuq bażi volontarja. Il-kors, L-Ortografija tal-Malti 1, hu maħsub għal dawk li jħossu l-ħtieġa li jsaħħu l-għarfien tagħhom fil-kitba bil-Malti.

Dan se jsir mill-4:30pm sas-6:30pm fiċ-Ċentru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Wied il-Lunzjata) ir-Rabat, Għawdex, f’dawn il-jiem:

20 ta’ Frar, 27 ta’ Frar, 6 ta’ Marzu, 13 ta’ Marzu, 20 ta’ Marzu, 27 ta’ Marzu

Inħeġġu lill-għalliema biex jattendu għall-kors u jressqu d-diffikultajiet ortografiċi li jiltaqgħu magħhom huma u l-istudenti tagħhom.

Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċ-ċertifikat uffiċjali mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjonijiet issibu f’din iċ-ċirkulari.