Werrejja ta’ Dun Karm

Alan Saliba, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, ħareġ bl-inizjattiva sabiħa li joħloq werrejja ta’ Dun Karm biex jitqassmu lill-istudenti kollha li ġew għall-attività ta’ Jum Dun Karm fit-18 ta’ Ottubru 2012, il-Furjana.

Nirringrazzajw ukoll lil Marlon Barbara, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, tal-għajnuna tiegħu għal dawn il-werrejja.

Fuq wara tal-werrejja nsibu parti mill-Innu ta’ Filgħodu bil-kliem ta’ Dun Karm u l-mużika ta’ Ġużeppi Caruana. Inħeġġu lill-għalliema kollha tal-Primarja biex fil-klassijiet tagħhom ikantaw dan l-innu sabiħ.

Dun Karm imfakkar fl-Iskola Primarja tar-Rabat

Prosit lill-Iskola Primarja tar-Rabat li fit-18 ta’ Ottubru it-tfal tal-klassi tal-Ħames Sena fakkru lill-Poeta Nazzjonali bi preżentazzjoni sabiħa fuqu waqt il-laqgħa ta’ filgħodu.

Nirringrazzjaw lill-għalliema u lill-amministrazzjoni tal-iskola li ħadu ħsieb din l-attività.

Jum Dun Karm 2012

Bħal kull sena, f’Ottubru nfakkru l-Poeta Nazzjonali tagħna Dun Karm Psaila. Din is-sena se nfakkruh f’nhar twelidu, il-Ħamis 18 ta’ Ottubru.

Dakinhar għadd ta’ studenti flimkien mal-għalliema tagħhom, minn skejjel differenti, se jiltaqgħu ħdejn il-monument ta’ Dun Karm, il-Furjana, fejn se jkun hemm attività  organizzata mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku u l-Kumitat Festi Nazzjonali.

Ikun jixraq li dakinhar tfakkru lill-Poeta Nazzjonali fil-lezzjonijiet tagħkom u fil-laqgħat ta’ filgħodu fl-iskejjel. Nistednukom tużaw il-bijografija u l-preżentazzjoni (ppt) b’ritratti ta’ Dun Karm li ssibuha fit-taqsima “Jum Dun Karm” f’dan is-sit.

Ara wkoll din iċ-ċirkulari u r-ritratti tal-okkażjoni meħuda mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Agius de Soldanis: 300 sena minn twelidu

Din is-sena jaħbat it-300 anniversarju mit-twelid tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis (1712-1770). Kien l-ewwel wieħed li xandar kemm felaħ fuq l-ilsien Malti u kiteb fuq l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura tal-Maltin.

Il-wirja

Se tiftaħ wirja fuqu l-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt. Id-dati tal-wirja huma:

mit-22 sas-26 ta’ Ottubru, u
mit-12 sas-16 ta’ Novembru.

Fil-wirja qed jiġu ppreżentati l-manuskritti ta’ de Soldanis, xi sejbiet arkeoloġiċi li semma f’xogħlijietu, u pitturi marbutin ma’ xogħlijietu.

L-għalliema mħeġġin jieħdu lill-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja. Tistgħu tinkitbu għall-wirja billi tikkuntattjaw direttament lis-Sa Joanne Sciberras.

 

Ktejjeb b’xejn għall-istudenti tar-Raba’ Klassi tas-Sekondarja

L-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja li jattendu l-wirja jingħatalhom ktejjeb b’xejn fuq de Soldanis. Barra li miktub b’mod mexxej u mżewwaq b’pitturi tal-epoka, fih it-taħriġiet u d-djalogi ta’ de Soldanis. Ideali għat-tħejjija tal-eżami taċ-ĊES

 

Intervisti u qari fuq il-YouTube

Min jixtieq isemma’ l-għaxar djalogi sbieħ ta’ de Soldanis lill-istudenti, kulma jrid jagħmel hu li jidħol fil-YouTube u jittajpja “De Soldanis”. Barra d-djalogi, jista’ jsemmgħalhom xi waħda mill-40 intervista ma’ storiċi u lingwisti fuq de Soldanis. Jista’ wkoll isemmgħalhom id-daħla tad-dizzjunarju.

Tista’ tidħol direttament fl-istazzjon tal-YouTube fejn hemm dawn ir-riżorsi kollha minn hawn.

 

B’rabta ma’ dan

Ara l-istqarrija tal-Ministeru għal Għawdex u xi ritratti tal-wirja (DOI).

Ara wkoll l-istqarrija tat-tnedija tal-ktieb tas-sekondarja u xi ritratti tal-istess attività (DOI).

Ħajr lill-Ministeru għal Għawdex, il-Libreriji Maltin, Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università, li qed jikkollaboraw fil-proġett. Prosit ta’ din l-inizjattiva sabiħa.