Taħdita għall-għalliema fuq de Soldanis

Nhar it-Tlieta, 4 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru tal-Kurrikulu, il-Ħamrun, se ssir taħdita għall-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Istat, Indipendenti, u tal-Knisja fuq il-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis fl-okkażjoni tat-300 sena minn twelidu.

It-taħdita se tingħata mis-Sur Olvin Vella u mis-Sa Rosabelle Carabott li qed jaħdmu ħafna biex jitfakkar dan l-anniversarju matul din is-sena.

L-għalliema kollha tal-Malti, b’mod speċjali dawk tat-Tieni u r-Raba’ Sena tas-Sekondarja, huma mħeġġa jattendu. Infakkru li de Soldanis qiegħed fis-sillabu tal-Malti tat-Tieni Sena tas-Sekondarja kif ukoll għall-eżami ta’ tmiem is-sekondarja tal-Matsec. L-għalliema li jattendu se jingħataw ukoll ktejjeb u diska kompatta fuq de Soldanis biex ikunu jistgħu jużawhom waqt il-lezzjonijiet mal-istudenti tagħhom.

It-taħdita tibda fil-5pm u tintemm fis-7pm.

Kompli aqra u tkixxef aktar fuq de Soldanis minn hawn.

Il-Karta tal-Malti tal-Benċmark

Hawnhekk issibu l-preżentazzjoni li ta l-Uffiċjal Edukattiv David Muscat fuq il-karta tal-Malti tal-Benċmark li saret f’Mejju/Ġunju 2012.

Din ingħatat it-Tnejn, 26 ta’ Novembru fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann B u nhar it-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2012 fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, ir-Rabat, Għawdex.

L-annimali għall-kinder u l-ewwel sena

Tellajna xi riżorsi biex tużawhom fil-klassi fuq il-bord interattiv. Għandkom l-aktar annimali popolari mat-tfal – kemm dawk li nsibu madwarna, kif ukoll dawk li narawhom fuq it-televixin. Qegħdin maqsumin f’sillabi biex it-tfal jitgħallmu jaqrawhom sew.

Il-preżentazzjonijiet tal-annimali tistgħu ssibuhom fit-taqsima tal-kinder u fit-taqsima tal-ewwel sena tal-primarja, flimkien ma’ riżorsi oħrajn.

 

Żewġ ċirkularijiet għas-sekondarja

L-għalliema tal-Malti tal-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja huma mistiedna jieħdu nota taċ-ċirkulari nru 210/2012 u 214/2012.

Iċ-ċirkulari 210/2012 hi dwar in-novelli u d-drammi għas-sillabi tal-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja, filwaqt li ċ-ċirkulari 214/2012 tispjega kif se jsiru l-karti tal-eżami tal-Malti ta’ nofs is-sena tal-ewwel sentejn tas-sekondarja.

Il-lista tal-qari supplimentari fil-primarja

Għadha kemm ħarġet il-lista uffiċjali tal-qari supplimentari tal-Malti fil-Primarja. Din naġġornawha kull sena.

Bħas-snin ta’ qabel, din is-sena reġa’ twaqqaf bord ta’ għalliema, edukaturi u esperti fil-qasam tal-kotba għall-Primarja, biex jaġġorna l-lista tal-kotba tal-qari supplimentari għall-klassijiet kollha tal-Primarja.

Il-Bord għamel l-għażla tiegħu skont din iċ-ċekkjatura tal-kotba tal-qari supplimentari.

Il-Kapijiet tal-Iskejjel għandhom jikkunsidraw l-aħjar mod kif din il-lista tingħata wkoll lill-ġenituri biex jgħinu lil uliedhom jagħżlu jew jixtru l-aħjar kotba tal-qari mil-libreriji jew mill-ħwienet tal-kotba.

Il-lista aġġornata tista’ taraha minn din iċ-ċirkulari.