Passiġġata fil-Ġungla

Prosit lill-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija, tal-Kulleġġ Santa Tereża, għat-tnedija ta’ ktieb mill-isbaħ!

Dan il-proġett beda b’avventura wara li l-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija nawgurat kamra tal-qari u l-kitba. Mill-attivitajiet ta’ ġol-kamra u l-klassijiet l-oħra ħareġ dan il-ktieb ikkulurit li jqanqal l-immaġinazzjoni sa mill-ewwel dehra tiegħu.

Il-kitbiet, kif ukoll it-tpinġijiet li jakkompanjawhom, saru mill-istudenti ċkejkna ta’ din l-iskola, bil-gwida tal-għalliema, il-kap tal-iskola, l-assistenti kapijiet u l-awtur Trevor Zahra.

It-tema hija waħda fantastika msejsa fuq sfond ta’ ġungla. L-ispunt għall-kitbiet kienu l-ħitan impittra ta’ din il-kamra fl-iskola. Il-ktieb huwa bilingwi. Hemm siltiet bil-Malti u oħrajn bl-Ingliż. L-istil tal-kitbiet ivarja u tvarja wkoll l-età tal-awturi ċkejknin tiegħu.

Dan il-ktieb jista’ jservi ta’ punt ta’ tluq għal numru ġmielu ta’ eżerċizzji fil-klassi u lil hinn minnha.

Minn qalbna nifirħu lill-protagonisti ta’ dan il-proġett, lill-istudenti li ħolqu dawn il-kitbiet mill-isbaħ,  kif ukoll lill-għalliema u lil dawk kollha li taw sehemhom biex dan il-proġett jirnexxi.

Awguri!