Attività b’rabta ma’ Zito Zandarell

Nifirħu lill-għalliema tal-Malti tal-iskejjel sekondarji tal-bniet u s-subien, Tal-Ħandaq (mill-Kulleġġ San Injazju) għall-attività li organizzaw għall-istudenti tagħhom b’rabta mal-karattru Zito Zandarell li jaqraw ir-rumanz tiegħu fl-ewwel sena tas-sekondarja.

L-istudenti kellhom l-opportunità li jaqraw xi kitbiet minn tagħhom dwar il-karattri tar-rumanz u li jiltaqgħu mal-awtur innifsu. Ittellgħet ukoll reċta qasira miktuba mit-tfal stess u nqrat poeżija.

Fi tmiem l-attività nqasam kejk maħdum mill-istudenti stess għall-okkażjoni u l-awtur iffirma l-kotba tal-istudenti. L-istudenti offrew diversi proġetti u xogħlijiet li għamlu huma stess lill-awtur.

Tagħrif ieħor issibu mis-sit tal-Iskola Sekondarja tal-Bniet, Tal-Ħandaq. Ara l-attività ‘Ċelebrazzjoni Zito Zandarell‘ tad-19 ta’ April 2013 għar-ritratti u xi riżorsi.

Taħdita oħra suċċess

L-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku organizzaw taħdita oħra interessanti fil-21 ta’ Mejju fuq il-vokali i fil-Malti. Din saret minn Reno Fenech.

Ħadna pjaċir bl-attendenza numeruża li kien hemm.

 

Wara t-taħdita saret diskussjoni fuq id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom l-għalliema u kien hemm qbil li għandhom isiru aktar laqgħat ta’ diskussjoni bħal dawn biex ikun hawn aktar għarfien fuq ilsienna.

Taħdita fuq il-kitba tal-vokali ‘i’ fil-Malti

Inħeġġu lill-għalliema kollha biex jattendu għal taħdita interessanti fuq il-vokali ‘i’ fil-bidu ta’ kliem Rumanz fil-Malti.

It-taħdita se ssir it-Tlieta, 21 ta’ Mejju 2013 mill-5pm sas-6pm fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu (NCC), il-Ħamrun, u se tingħata mis-Sur Reno Fenech.

Tagħrif ieħor fuq it-taħdita ssibu minn din iċ-ċirkulari u minn din it-tagħrifa.

Il-Jum Dinji tal-Ktieb

jumdinjiktiebFl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Librerija Pubblika Ċentrali se jingħaqdu flimkien biex jorganizzaw taħdita f’għamla ta’ sessjoni ta’ taħriġ għall-pubbliku bl-isem ‘Strateġiji tal-Qari’.

It-taħdita se tingħata minn Anabel Desira nhar it-Tlieta, 23 ta’ April, fil-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Furjana, fl-10am.

Id-dħul għaliha hu b’xejn imma importanti li min jixtieq jattendi jirreġistra fl-indirizz elettroniku info@ktieb.org.mt jew billi jċempel 2124 0703 jew 2125 2604.

Taħdita minn Olvin Vella

Nifirħu lis-Sur Olvin Vella li għamel taħdita interessanti ħafna fuq kif kienu jitkellmu l-Maltin fl-antik. It-taħdita kienet ibbażata fuq riċerka li s-Sur Vella ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin. It-taħdita saret l-ewwel darba fl-1 ta’ Diċembru 2012, u tant kien hemm nies, li reġgħet saret fl-24 ta’ Jannar 2013.

Prosit tassew lis-Sur Vella għal ħidmietu u nħeġġuh biex jagħmel aktar minn dawn it-taħditiet interessanti fuq ilsienna.