Mistoqsija u Tweġiba 29

Minn George Mifsud

X’inhu l-femminil ta’ barri?

Il-femminil huwa barrija. Il-femminil baqra huwa tal-gendus.

Fl-imgħoddi (sas-sebgħinijiet) kellek f’Malta l-kelma gendus li l-femminil tiegħu kienet baqra. Fil-fatt, il-baqra kienet tintuża għax-xogħol tar-raba’ speċjalment fis-sajf għax kellha saħħa kbira biex taqla’ l-ħamrija mill-qiegħ. Il-gendus kien ir-raġel tal-baqra u kien jintuża għall-ikel u biex ikollhom il-frieħ. Lejn tmiem is-sebgħinijiet in-nisel tagħhom inqata’ għalkollox, anke għax ix-xogħol tar-raba’ beda jsir bil-magni. (F’dawn l-aħħar snin saru xi esperimenti biex jerġgħu jnissluhom fl-Għammieri u fl-Olanda.)

Fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, meta n-nisel tal-gendus beda jispiċċa, beda jinġieb f’Malta l-barri li l-femminil tiegħu huwa barrija. Din il-kelma ġejja mill-kelma bar għax dawn bdew jinġiebu minn barra, mill-Barberija (Tuneż, Tripli u  Bengażi). Dawn kienu jissemmnu u jittieħdu l-biċċerija għall-qatla. Il-ħalib li kienu jikkunsmaw il-Maltin ta’ dak iż-żmien kien ikun tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, mhux tal-baqar bħal-lum.

Bdew ġejjin ukoll il-baqar mill-Irlanda (illum magħrufa bħala baqar Erxin – forsi tgħaqqida tal-kelma Irish) li huma ta’ lewn iswed imnaqqax bl-abjad jew bil-griż, għall-ħalib tagħhom. Minn hemm twaqqfet il-kumpanija Benna u l-irziezet tal-baqar tal-ħalib.

Maż-żmien ġara li żammejna u għaqqadna l-maskil barri u ħadna l-femminil baqra għax il-kelma gendus spiċċat malli nqata’ n-nisel tiegħu. Madankollu l-kliem barrija u gendus għadhom jintużaw mir-raħħala u l-bdiewa meta jitkellmu bejniethom. Dawn il-kelmiet bit-tifsiriet oriġinali tagħhom jintużaw ukoll meta jitħabbru l-kategoriji tal-premjijiet fl-Imnarja mis-Soċjetà Agrarja fil-Buskett.

Taħdita għall-għalliema fuq de Soldanis

Nhar it-Tlieta, 4 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru tal-Kurrikulu, il-Ħamrun, se ssir taħdita għall-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Istat, Indipendenti, u tal-Knisja fuq il-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis fl-okkażjoni tat-300 sena minn twelidu.

It-taħdita se tingħata mis-Sur Olvin Vella u mis-Sa Rosabelle Carabott li qed jaħdmu ħafna biex jitfakkar dan l-anniversarju matul din is-sena.

L-għalliema kollha tal-Malti, b’mod speċjali dawk tat-Tieni u r-Raba’ Sena tas-Sekondarja, huma mħeġġa jattendu. Infakkru li de Soldanis qiegħed fis-sillabu tal-Malti tat-Tieni Sena tas-Sekondarja kif ukoll għall-eżami ta’ tmiem is-sekondarja tal-Matsec. L-għalliema li jattendu se jingħataw ukoll ktejjeb u diska kompatta fuq de Soldanis biex ikunu jistgħu jużawhom waqt il-lezzjonijiet mal-istudenti tagħhom.

It-taħdita tibda fil-5pm u tintemm fis-7pm.

Kompli aqra u tkixxef aktar fuq de Soldanis minn hawn.

Il-Karta tal-Malti tal-Benċmark

Hawnhekk issibu l-preżentazzjoni li ta l-Uffiċjal Edukattiv David Muscat fuq il-karta tal-Malti tal-Benċmark li saret f’Mejju/Ġunju 2012.

Din ingħatat it-Tnejn, 26 ta’ Novembru fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann B u nhar it-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2012 fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, ir-Rabat, Għawdex.

Mistoqsija u Tweġiba 28

Minn Olvin Vella

Kif niktbuh il-plural ta’ ragħaj: ragħajja jew rgħajja?

Il-plural huwa ragħajja, u l-mudell qarrejja. Ftakar biss li ma nistgħux nirduppjaw l-għ fil-kitba.

Ara dawn l-eżempji bil-mudell imħaddem:

Il-qarrej jaqra. Il-qarrejja taqra. Il-qarrejja jaqraw.
Ir-ragħaj jirgħa. Ir-ragħajja tirgħa. Ir-ragħajja jirgħaw.

Innota li fl-antik, meta l-għ kien għad kellha l-ħoss tagħha, kienu jiktbuha ragħgħaj. U l-plural kien ragħgħajja.

Taħdita fuq l-iżvilupp tal-Malti

Kemm kienu jitkellmu differenti!
Taħdita interessanti nhar is-Sibt, l-1 ta’ Diċembru 2012

L-għalliema tal-Malti, u kull min huwa interessat, mistiedna jattendu għal taħdita mogħtija mis-Sur Olvin Vella, lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta, fuq  kemm kienu jitkellmu Malti differenti l-Maltin fl-antik.  Fost l-oħrajn Vella se jitkellem fuq il-konsonanti li tlifna fi żminijiet differenti.

B’kollox tlifna seba’ ħsejjes – tnejn biss salvajniehom fil-kitba: l-għajn u l-akka. Il-ħames konsonanti l-oħra nsibuhom miktubin fil-prietki u fit-talb maġiku, fl-atti tan-nutara u fil-proċessi tal-Inkwiżitur.

It-taħdita se ssir is-Sibt li ġej, l-1 ta’ Diċembru, f’Palazzo Santa Sofia (ftit passi ’l bogħod minn Palazzo Falson, l-Imdina) fl-10.30am. Id-dħul huwa b’xejn imma l-postijiet huma limitati.

Tagħrif ieħor jista’ jinkiseb minn info@palazzofalson.com

Olvin Vella jgħallem l-istorja tal-ilsien Malti, l-Università. Editja xogħlijiet fuq de Soldanis u Vassalli, u jirriċerka l-istorja tal-eqdem kitbiet bil-Malti u l-formazzjoni tal-Malti Standard. Huwa membru attiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u jaħdem ħafna b’risq ilsienna.