Mistoqsija u Tweġiba 08

staqsi

Minn Olvin Vella

Il-kelma <monstru> teżisti?

Tradizzjonalment konna niktbu <mostru>. Madankollu, minħabba l-influwenza dejjem tikber tal-Ingliż, il-kelliema Maltin qed iżommu mal-forma Ingliża daqskemm l-antiki kienu jżommu mal-forma Taljana. Naħseb li lkoll naqblu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-forma li ġejja mill-Ingliż se tissaħħaħ.

Xi darba jew oħra aktarx smajna dawn il-forom:

il-programm hu transmess        il-programm hu trażmess

ġej tat-transport                       ġej tat-trasport

x’monstru fih dak il-bini!            x’mostru fih dak il-bini!

int l-inspirazzjoni tiegħi!            int l-ispirazzjoni tiegħi!

Lill-istudenti li jużaw il-forma li ġejja mill-Ingliż nagħmlu tajjeb jekk nispjegawlhom li hemm forma oħra, kuġina tagħha, li ġejja mit-Taljan u li l-biċċa l-kbira tal-Maltin iqisuha “aktar ta’ ġewwa”. Madankollu m’għandniex innaqqsu l-marki jekk xi ħadd juża <monstru> flok <mostru>, jew <installa> flok <stalla>, ladarba dan hu kliem aċċettat mill-kelliema tal-Malti Standard. Min jaf, forsi ħamsin sena oħra kulħadd jibda jgħid <monstru> u <installa> u l-forma mit-Taljan ħadd ma jkun jafha! M’intix tara kif, mindu daħal il-cable tv, it-tagħlim tat-Taljan ma baqax popolari bħal dari?

Aħna għalliema u xogħolna nedukaw billi nfissru x’inhu jiġri. Inkunu qed ngħaddu messaġġi importanti oħra, u li mhumiex marbutin mal-lingwa biss, meta nfaħħru l-idea tal-bidla:

  1. ħafna drabi nistgħu nispjegaw ir-raġuni tal-bidla mqar jekk ma naqblux magħha;
  2. kull tip ta’ bidla hija xhieda ta’ ħaġa ħajja. Għax il-ħwejjeġ mejta biss ma jinbidlux.

Mistoqsija u Tweġiba 07

Minn Olvin Vella

staqsiX’inhi d-differenza bejn <fil-għaxija> u <filgħaxija>? Liema hi t-tajba?

It-tajba hija <filgħaxija>. (Deċiżjonijiet 1, 3.2.1, speċjalment Appendiċi A)

Din ir-regola riċenti qed tħaffef il-kitba billi tagħżel bejn żewġ forom tal-istess kelma. Ngħidu aħna, <filgħaxija> mhijiex differenti minn <fil-għaxija> ħlief għas-sing:

  1. kulħadd jippronunzjahom l-istess
  2. kulħadd irid ifisser bihom l-istess ħaġa
  3. imma nofs Malta kienet tiktibha mod u n-nofs l-ieħor kienet tiktibha bil-mod l-ieħor.

Teżisti t-tendenza li meta żewġ kelmiet jew iktar, bħal <fi>, <l->, <għaxija> jiksbu tifsira indipendenti malli jingħaqdu, ma jinqdewx bis-sing: <filgħaxija>.

Dan ma jiġrix fil-Malti biss. Ngħidu aħna, il-kelma moderna Ingliża <altogether>, fl-antik kienet magħmula minn żewġ kelmiet mifrudin <al togeder>.

Importanti li wieħed jiftakar li din ir-regola li għandna ngħaqqdu kliem differenti tapplika biss meta t-tgħaqqid iwassal għal tifsira indipendenti. Ngħidu aħna, ma nistgħux niktbu <filwaqt> u <xħin> fil-każijiet kollha:

1) Fil-waqt li kienet se tibda tkanta, dubbiena bdiet ittellifha.

2) Filwaqt li ma naħsibx li għandek raġun, nifhem għaliex taħsibha hekk.

1) X’ħin ġej il-kuġin? Fit-tlieta?

2) Xħin daħal id-dar għamilna festa!

Lista sħiħa tal-kliem li jista’ jingħaqad issibha f’Appendiċi A hawnhekk.

 

Jekk tixtieq tipprattika r-regoli l-ġodda, tista’ taħdem dawn. Is-soluzzjonijiet tagħhom huma dawn.

Lill-istudenti tista’ tagħtihom dawn. Ma naqblux li tagħtuhom il-lista tar-regoli l-ġodda biex jitgħallmuha bl-amment. Minħabba li dawn ir-regoli ntlaqgħu tajjeb u l-kotba l-ġodda qed isegwuhom, l-istudenti mhux se jdumu ma jidrawhom. 

Mistoqsija u Tweġiba 06

Minn Olvin Vella

staqsiIl-kelma <ġieħ> tinkiteb bl-<h> jew bil-<ħ>?

Tinkiteb bil-<ħ> għax fil-kliem kollu maħruġ mill-għerq tagħha (eż. <weġġaħ>), issemma’ [ħ]. (Aġġornament, it-tieni parti, 2)

 Kliem ieħor bil-[ħ] huwa <tbaħrid> u <wċuħ>.

Mill-banda l-oħra, il-kliem ta’ hawn taħt niktbuh bl-ittra <h> għax, kif jidher fl-ewwel kolonna, il-konsonanti ġieli ma tinstemax:

belha         iblah     

hena          hieni    

kruha         koroh   

sehem        ishma   

xbieha        xebbah

Fil-qosor: meta l-‘akka’ fi kliem tal-istess għerq daqqa titlissen /ħ/ u daqqa ma titlissinx, tinkiteb dejjem <h>. 

Mistoqsija u Tweġiba 05

staqsi

Minn Olvin Vella

F’karta tal-eżami nkiteb: “meta t-temp fl-Antartiku jkun saħan, it-tfal tagħna [i.e. tal-pingwini] jkunu kibru biżżejjed biex irressquhom lejn l-ilma”. Niktbuha <rressquhom>?

Nistgħu niktbuha għax ir-regola tippermettilek: “Ittra konsonanti sew fil-bidu, sew fin-nofs, kemm fit-tarf tal-kelma, meta tinħass bħal dik li tmiss magħha, tista’ titfisser u tinkiteb bħalha kemm-il darba ma tkunx waħda mill-konsonanti ta’ għerq il-kelma.” (Tagħrif, It-Tieni Taqsima, nru 45)

Mela, skont din ir-regola, nistgħu niktbu pari bħal dawn li ġejjin:

<inmur> , <immur>

<inrodd>, <irrodd>

<inlum>, <illum>

<inressaq>, <irressaq>

Madankollu aktarx naqblu li <mmur> hija aktar popolari minn <inmur>, filwaqt li <inressaq> hija aktar popolari minn <irressaq>.

Li forma hija iktar popolari minn oħra ma jfissirx li hija t-tajba u l-oħra l-ħażina.

Mistoqsija u Tweġiba 04

staqsiMinn Olvin Vella

Niftakar li, qabel, <ħamest iżwiemel> kienu jimmarkawhielna ħażina. Imma llum fl-eżamijiet issib min jaċċettaha. X’għandna nagħmlu fil-klassi?

F’xi kotba tal-grammatika antiki nsibu r-regola li numri bħal <erba’> u <ħames> jieħdu t-Te Marbuta quddiem in-nomi li għandhom sillaba waħda. Hekk, quddiem il-kliem <fniek> u <tfal> irridu niktbu <erbat ifniek> u <ħamest itfal>.

Imma aħna lkoll smajna ’l min lit-Te Marbuta jżidha quddiem nomi li għandhom żewġ sillabi wkoll, bħal <kmamar> u <żwiemel>. Fil-fatt, tista’ tgħid: <erbat ikmamar> u <erba’ kmamar>; <ħamest iżwiemel> u <ħames żwiemel>.

F’każ bħal dan, meta regola grammatikali ma tibqax valida għax tinkiser mill-kelliema tal-lingwa standard, u l-ksur tagħha ma jfantasx il-kelliema, ir-regola trid tinbidel anki fil-kotba.

L-għalliema jagħmlu sew jekk jirrispettaw it-taħdit standard u f’dal-każ jaċċettaw iż-żewġ forom <ħamest iżwiemel> u <ħames żwiemel>.