Mistoqsija u Tweġiba 08

staqsi

Minn Olvin Vella

Il-kelma <monstru> teżisti?

Tradizzjonalment konna niktbu <mostru>. Madankollu, minħabba l-influwenza dejjem tikber tal-Ingliż, il-kelliema Maltin qed iżommu mal-forma Ingliża daqskemm l-antiki kienu jżommu mal-forma Taljana. Naħseb li lkoll naqblu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-forma li ġejja mill-Ingliż se tissaħħaħ.

Xi darba jew oħra aktarx smajna dawn il-forom:

il-programm hu transmess        il-programm hu trażmess

ġej tat-transport                       ġej tat-trasport

x’monstru fih dak il-bini!            x’mostru fih dak il-bini!

int l-inspirazzjoni tiegħi!            int l-ispirazzjoni tiegħi!

Lill-istudenti li jużaw il-forma li ġejja mill-Ingliż nagħmlu tajjeb jekk nispjegawlhom li hemm forma oħra, kuġina tagħha, li ġejja mit-Taljan u li l-biċċa l-kbira tal-Maltin iqisuha “aktar ta’ ġewwa”. Madankollu m’għandniex innaqqsu l-marki jekk xi ħadd juża <monstru> flok <mostru>, jew <installa> flok <stalla>, ladarba dan hu kliem aċċettat mill-kelliema tal-Malti Standard. Min jaf, forsi ħamsin sena oħra kulħadd jibda jgħid <monstru> u <installa> u l-forma mit-Taljan ħadd ma jkun jafha! M’intix tara kif, mindu daħal il-cable tv, it-tagħlim tat-Taljan ma baqax popolari bħal dari?

Aħna għalliema u xogħolna nedukaw billi nfissru x’inhu jiġri. Inkunu qed ngħaddu messaġġi importanti oħra, u li mhumiex marbutin mal-lingwa biss, meta nfaħħru l-idea tal-bidla:

  1. ħafna drabi nistgħu nispjegaw ir-raġuni tal-bidla mqar jekk ma naqblux magħha;
  2. kull tip ta’ bidla hija xhieda ta’ ħaġa ħajja. Għax il-ħwejjeġ mejta biss ma jinbidlux.