Fid-29 ta’ April iltqajna mal-għalliema kollha tal-primarja ta’ Ħaż-Żabbar (A u B). Fit-12 ta’ Mejju ltqajna mal-għalliema kollha tal-iskola sekondarja tas-subien ta’ Ħal Kirkop.
Ħajr lis-Sur Olvin Vella u lill-Professur Manwel Mifsud li qed jgħinuna f’dawn it-taħditiet fuq l-ilsien Malti. Aħna ninsabu kuntenti bil-kummenti sbieħ li qed nirċievu fuq id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill tal-Malti fuq l-ortografija.
Dan kollu jawgura tajjeb għall-ġejjieni ta’ lsienna u jalla nkomplu naħdmu flimkien biex il-lingwa Maltija tibqa’ tissaħħaħ mal-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Ir-riforma edukattiva taħseb biex issaħħaħ fl-istudenti l-ħiliet fil-qasam tat-taħdit. Dawn il-ħiliet jidħlu fis-suġġetti kollha għax f’kull suġġett jeħtieġ li l-istudenti tagħna jkunu kapaċi jitkellmu, jesprimu ruħhom, jisimgħu, jiddiskutu, jiddjalogaw, jifhmu lil xulxin, jistennew il-ħin tagħhom biex jitkellmu, jinterpretaw, ipoġġu lilhom infushom fiż-żarbun ta’ ħaddieħor, u jifhmu s-sens kollu – jiġifieri dak li hu ovvju u dak li mhux. Naturalment, dawn il-ħiliet jgħoddu wkoll għal waqt il-lezzjonijiet tal-Malti u tal-Ingliż.

Ħajr lill-għalliema Josette Bezzina mill-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa (Kulleġġ San Benedittu) talli għoġobha taqsam magħna ftit ideat fuq kif użat it-taqbila tradizzjonali “Il-Pupa Tiegħi” waqt il-lezzjonijiet kumplimentari tal-Malti.