Laqgħa għall-Għalliema tas-CCP, AEP jew ALP

Il-laqgħa ta’ darba fix-xahar li jmiss għall-għalliema tal-Malti li jgħallmu lill-istudenti tas-CCP, AEP jew ALP se ssir nhar il-Ġimgħa ta’ din il-ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2015 min-12:30 sas-14:15 fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun.

Inħeġġiġkom tattendu.

David Muscat
f’isem l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti

Riżorsi ġodda diġitali bil-Malti.

5 applikazzjonijet ġodda bil-Malti u l-ktieb elettroniku Żaqqinu jagħżel x’jiekol.

L-applikazzjonijiet huma: Naf naqra, Ninqeda bil-Malti, Koċċ Kliem, Mill-A saz-Z u Sitt Stejjer, xogħol Anna Vassallo, għalliema mill-iskola primarja tal-Baħrija.

Sitt Mill-a
Kocc Ninqeda
Naf zaqqinu

Żaqqinu jagħżel x’jiekol huwa kitba ta’ Marika Vella Montebello u Charmaine Bartolo, illustrazzjonijiet ta’ Elaine Camilleri u produzzjoni diġitali ta’ Conrad Fenech, Jesmond Mansueto u Franco Costa mid-Dipartiment tat-Tagħlim Elettroniku.

 

Dawn ir-riżorsi jistgħu jitniżżlu kollha jitniżżlu b’xejn mill-Google play store.

Pjan ta’ Ħidma għat-Tagħlim tal-Malti għall-Barranin u Laqgħa ta’ Informazzjoni

L-għalliema tal-Malti huma mgħarrfa li għas-sena skolastika 2015-2016 u sakemm jibdew jintużaw il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Malti bħala Lsien Barrani, għandhom jużaw il-pjan ta’ ħidma għat-tagħlim tal-Malti lill-klassijiet tal-istudenti barranin mehmuż ma’ din iċ-ċirkulari. Dan il-pjan huwa msejjes fuq il-Qafas Komuni Ewropew għal-lingwi, Livell A1.

Għat-tagħlim tal-Malti lill-barranin huwa rrakkomandat li jintuża l-metodu komunikattiv ibbażat fuq l-erba’ ħiliet tal-lingwa: is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba. L-għalliema huma mħeġġa li jagħżlu xi kanzunetti, poeżiji u stejjer ħfief skont il-gosti u l-ħiliet tal-istudenti fejn jinħass li jkun meħtieġ, jew b’rabta mat-tema li tkun qiegħda ssir. Matul din is-sena għandu jsir assessjar formattiv, idealment waqt u wara kull tema tal-programm. Għal nofs is-sena l-għalliema jistgħu jagħtu test filwaqt li għall-aħħar tas-sena se tinħareġ karta tal-eżami mit-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv.

L-għalliema tal-Malti huma wkoll mgħarrfa li fis-sit elettroniku tal-Malti malti.skola.edu.mt fit-taqsima tal-Malti għall-Barranin, hemm l-aġġornamenti u riżorsi oħra xierqa. Ittellgħu wkoll karti ta’ assessjar summattiv tal-Malti għall-Barranin li saru f’xi skejjel f’dawn l-aħħar sentejn. L-għalliema tal-Malti huma mħeġġa biex jagħmlu aktar użu minn dan is-sit u jikkontribwixxu għat-tkabbir tiegħu. Dan jistgħu jagħmluh billi jibagħtu r-riżorsi tagħhom lil xi ħadd mill-Uffiċjal Edukattivi tal-Malti billi jużaw l-indirizz elettroniku li jsibu fl-ewwel paġna tas-sit tal-Malti. Dawn ir-riżorsi jidhru f’isem min jibgħathom. B’dan il-mod inkunu qegħdin anke f’dan il-qasam inżidu r-riżorsi tal-bank u nsaħħu t-tagħlim tal-Malti għall-Barranin b’mod aktar ħaj u effettiv.