Grazzi u prosit!

Nirringrazzjaw u nifirħu lill-għalliema msemmija hawn taħt tar-riżorsi li bagħtulna tul ix-xahar ta’ Ottubru 2012 biex jittellgħu f’dan is-sit.

Louise Chircop, l-Iskola Primarja tal-Imtarfa.

Graziella Micallef, l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara.

Paul Anthony Rapa, l-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija.

Marilyn Saliba, l-Iskola Sekondarja tal-Bniet, il-Mosta.

Claire Sammut, l-Iskola Primarja tar-Rabat, Malta.

Anton Spiteri, l-Iskola Primarja tal-Mosta B.

Vincienne Zammit, l-Iskola Sekondarja tas-Subien, Santa Venera.

Passiġġata fil-Ġungla

Prosit lill-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija, tal-Kulleġġ Santa Tereża, għat-tnedija ta’ ktieb mill-isbaħ!

Dan il-proġett beda b’avventura wara li l-Iskola Primarja ta’ Ħal Lija nawgurat kamra tal-qari u l-kitba. Mill-attivitajiet ta’ ġol-kamra u l-klassijiet l-oħra ħareġ dan il-ktieb ikkulurit li jqanqal l-immaġinazzjoni sa mill-ewwel dehra tiegħu.

Il-kitbiet, kif ukoll it-tpinġijiet li jakkompanjawhom, saru mill-istudenti ċkejkna ta’ din l-iskola, bil-gwida tal-għalliema, il-kap tal-iskola, l-assistenti kapijiet u l-awtur Trevor Zahra.

It-tema hija waħda fantastika msejsa fuq sfond ta’ ġungla. L-ispunt għall-kitbiet kienu l-ħitan impittra ta’ din il-kamra fl-iskola. Il-ktieb huwa bilingwi. Hemm siltiet bil-Malti u oħrajn bl-Ingliż. L-istil tal-kitbiet ivarja u tvarja wkoll l-età tal-awturi ċkejknin tiegħu.

Dan il-ktieb jista’ jservi ta’ punt ta’ tluq għal numru ġmielu ta’ eżerċizzji fil-klassi u lil hinn minnha.

Minn qalbna nifirħu lill-protagonisti ta’ dan il-proġett, lill-istudenti li ħolqu dawn il-kitbiet mill-isbaħ,  kif ukoll lill-għalliema u lil dawk kollha li taw sehemhom biex dan il-proġett jirnexxi.

Awguri!

Intervista mal-Prof. Oliver Friggieri

Nhar l-14 ta’ Novembru 2012, il-Prof. Arnold Cassola se jintervista lill-Prof. Oliver Friggieri fuq ir-realtà tas-soċjetà Maltija fi żmienna. Din l-intervista se ssir f’Sala Erin Serracino Inglott, l-Università, fis-6.30pm.

Nistiednu lil kull min għandu għal qalbu l-letteratura Maltija, b’mod partikolari l-għalliema tal-Malti, biex jattendu din l-attività mtellgħa mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u jieħdu sehem fid-diskussjoni li se ssir wara.

Tagħrif ieħor fuq din l-attività tista’ taqrah minn hawn.

Doreen Galea f’Jum Dun Karm

Fit-18 ta’ Ottubru 2012,  id-Dipartiment tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali organizza l-attività annwali ta’ Jum Dun Karm.

Dakinhar tkellmu d-Direttur tal-Kurrikulu u t-Tagħlim Elettroniku, is-Sur Sandro Spiteri, u l-Onor. Clyde Puli, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport.

Studenti minn skejjel differenti qraw xi poeżiji tal-Poeta. Din is-sena stajna ngawdu wkoll il-leħen sabiħ tal-kantanta magħrufa Doreen Galea li kantat xi poeżiji oħra ta’ Dun Karm. L-attività tmexxiet minn Abijel Dingli, Kap tad-Dipartiment tal-Malti.

Dawn huma xi ritratti minn Jum Dun Karm 2012.