Il-forom ewlenin bil-Malti

Bosta għalliema staqsewna xi nsejħulhom il-forom ewlenin li jintużaw fl-ewwel snin tal-primarja. Fit-taqsimiet tal-kinder u tal-ewwel u t-tieni sena tal-primarja għandkom xi preżentazzjonijiet biex tużawhom fil-klassijiet tagħkom.

Inħeġġukom biex tgħallmu lit-tfal dawn il-forom bi lsienna.

Taħdita minn Olvin Vella

Nifirħu lis-Sur Olvin Vella li għamel taħdita interessanti ħafna fuq kif kienu jitkellmu l-Maltin fl-antik. It-taħdita kienet ibbażata fuq riċerka li s-Sur Vella ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin. It-taħdita saret l-ewwel darba fl-1 ta’ Diċembru 2012, u tant kien hemm nies, li reġgħet saret fl-24 ta’ Jannar 2013.

Prosit tassew lis-Sur Vella għal ħidmietu u nħeġġuh biex jagħmel aktar minn dawn it-taħditiet interessanti fuq ilsienna.

Taħditiet fuq il-Malti mal-ġenituri

Dan l-aħħar iltaqjna mal-ġenituri tal-istudenti ta’ żewġ skejjel primarji. Tkellimna magħhom fuq ir-regoli tal-Malti u fuq diffikulatjiet li huma jsibu meta jkunu qed jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tad-dar tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-ġenituri li ġew u li tant ipparteċipaw b’entużjażmu. Kien ta’ pjaċir kbir għalina li niltaqgħu magħhom.
 
Nirringrazzjaw ukoll liż-żewġ kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, is-Sa Rita Azzopardi mill-Iskola ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, u lis-Sur Lorian Busuttil Naudi mill-Iskola tal-Fgura B tal-Kulleġġ San Tumas More.

Mistoqsija u Tweġiba 33

Minn Olvin Vella

X’niktbu: bżonnjuż jew bżonjuż?

Ikteb bżonjuż, b’n waħda.

Biex nirraġunaw għala, irridu bilfors nagħmlu referenza żgħira għat-Taljan. L-erba’ kelmiet li ġejjin jispiċċaw -nn fil-Malti, imma fit-Taljan insibuhom miktubin bil-gn:

It-Taljan Il-Malti
bisogno   bżonn
disegno   disinn
degno    denn
impegno   impenn

Meta dan il-kliem fil-Malti nżidulu suffiss li miegħu jitlob j, ngħidu aħna s-suffiss tal-plural i, inwaqqgħu waħda mid-doppja n: disinji, denji, impenji.

Fil-mistoqsija li saritilna, is-suffiss uż jitlobna nżidulu miegħu j, u għalhekk nerġgħu nwaqqgħu waħda mid-doppja n: bżonjuż.

Eżempji oħra huma: iddisinjat, impenjat.

Dan l-argument japplika wkoll għall-kliem li jispiċċa –ll u li fit-Taljan insibuh miktub bil-gl:

It-Taljan            Il-Malti
sbaglio żball, żbalji, żbaljat
dettaglio  dettall, dettalji, dettaljat

 

Kors fil-Kitba bil-Malti

Jekk tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, ix-xahar id-dieħel se jerġa’ jiftaħ il-Kors fil-Qari tal-Provi. Din is-sena se jkun offrut f’Malta u f’Għawdex ukoll. L-Għawdxin li jixtiequ jirfinaw l-ortografija tagħhom inħeġġuhom biex jaħtfu din l-opportunità u japplikaw għall-kors ta’ Għawdex.

L-applikazzjonijiet miftuħin bħalissa u jintlaqgħu matul il-perjodu regolari sa nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar. Wara, jibqgħu jintlaqgħu bil-kundizzjonijiet tal-applikazzjonijiet tard.

Dan il-kors universitarju, part-time, hu twil sena u huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors mhuwiex biss għall-għalliema tal-Malti imma għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jinteressah dan il-qasam tal-lingwa.

Għal aktar dettalji ara din iċ-ċirkulari u idħol hawn.