Mistoqsija u Tweġiba 25

Minn Olvin Vellastaqsi

Naf li l-kelma bijografija tinkiteb bil-j. Imma nixtieq inkun naf x’inhi r-regola ta’ żewġ vokali ħdejn xulxin.

Hekk hu. Niktbu bijografija mhux biografija. Imma idea mhux ideja.

Fil-Malti kienu jgħidulna li żewġ vokali ma joqogħdux fejn xulxin. Imma mhux il-każ għax niktbu: poeta, ideat, ateu.

Żewġ vokali nifirduhom b’j, bħal fil-kelma bijoloġija u Piju, meta l-ewwel vokali tinzerta i. Jekk l-ewwel vokali tkun u, nifirduhom b’w, bħal influwenza.

Din ir-regola ma tiġix applikata meta l-ewwel vokali (mit-tnejn li jkunu qed imissu flimkien) tkun it-tarf ta’ prefiss, bħal: riorganizzazzjoni, triangolu, biennali.

Nota: Tista’ taqra aktar dwar dan minn hawn.

Mistoqsija u Tweġiba 24

staqsiMinn Olvin Vella

Il-għala l-ewwel sentenza ta’ hawn taħt hi ħażina u t-tieni waħda hi tajba?

1. Baqa’ m’applikax minħabba li bqajt m’infurmajtux bl-avviż.
2. Baqa’ m’applikax minħabba li bqajt ma infurmajtux bl-avviż.

Kieku kellna llissnu ż-żewġ sentenzi, ninnutaw li l-“ma” tan-negattiv (mingħajr appostrofu) quddiem “infurmajtu” ma titqassar qatt. Fi kliem ieħor, ma nistgħux ngħidu “m’infurmajtux” jew “m’investiex”.

Għalhekk f’waħda mir-regoli tal-ortografija żdiedet nota importanti (hawn taħt bil-blu).

Qabel kliem li jibda bil-vokali, bil-għ jew bl-h, il-ma tan-negattiv tista’ tinkiteb sħiħa ma jew imqassra m’.
eż. ma hemmx / m’hemmx
      ma hawnx / m’hawnx
      ma għandux / m’għandux 
      ma hemiżx / m’hemiżx
      ma afdax / m’afdax

Nota: Dan ma jgħoddx għall-verbi ta’ nisel barrani li z-zokk tagħhom fil-Malti jibda bil-vokali i. Eż. ma infurmatx, ma interroganix. Deċiżjonijiet 1, regola 3.2.4

Mistoqsija u Tweġiba 23

staqsiMinn Olvin Vella

Niktbu il-bogħod jew ’il bogħod?

Meta ngħidu telaq ’l hemm jew ħares ’l isfel, ’l hija taqsira ta’ lejn (u m’għandha x’taqsam xejn mal-artiklu u allura ma nagħmlux sing). Minħabba li hawnhekk għandna taqsira ta’ lejn, l-użu tat-taqsira jintrabat ma’ xi direzzjoni.

Ngħidu aħna:
’l hemm
’l hawn
’l hinn
’l isfel
’il bogħod
’il fuq
’il barra
’il ġewwa
’il quddiem
’il fejn

Kif qed naraw fl-aħħar eżempji, it-taqsira ’l inżidulha l-vokali tal-leħen meta jkollna bżonnha.

Eż 1 Tlajna ’l fuq.
Eż 2 Inżilt ’l isfel.
Eż 3 Ġrejt  ’il barra.
Eż 4 ’Il fejn sejjer?

Noti oħra

1. Bi drawwa (u skont ir-regoli attwali tal-kitba) qatt ma niktbu ’l ura (il-maqlub ta’ ’l quddiem), imma lura.

2. Il-virgoletta fit-taqsira tinkiteb “magħluqa”, jiġifieri tħares lejn ix-xellug. Meta nkabbru narawha hekk:

3. Il-kitba tat-taqsira ta’ lejn kumbinazzjoni taqbel mat-taqsira ta’ lil (eż. Tajt ktieb ’il ħija.)

Mistoqsija u Tweġiba 22

staqsi

Minn David Agius Muscat

Kif nikteb dawn?

– Xogħlijiet jew xogħolijiet?

– Ġimagħtejn jew ġimgħatejn?

– Nagħaġ jew ngħaġ?

– Żgħażagħ jew żagħżagħ?

– X’mudelli nista’ nuża għal nomi bħal mgħarfa u snajja’ ?

 

Sib it-tweġiba għal dan kollu u aktar minn hawn [ppt].

 

Mistoqsija u Tweġiba 21

staqsiMinn Thomas Pace

Meta nikteb “dar” u meta “dahar”?

In-nom “dar” jirreferi għall-post fejn noqogħdu. Nużawh ukoll bħala verb għal meta ddur (il-passat tat-3et pers. mask. sing. bl-għerq d-w-r).

In-nom “dahar” jirreferi għall-parti ta’ wara ta’ ġisimna, dak li nserrħu mad-“dahar” tas-siġġu meta npoġġu bilqiegħda.

Dawn il-‘koppji’ b’tifsiriet differenti nsibuhom f’ħafna lingwi u spiss ifixkluna. Biex nifhmuhom aħjar, nistgħu naqsmuhom fi tlieta:

1)  Omonimi: kliem bl-istess kitba u bl-istess ħoss
eż. bank (tal-ġnien) u bank (tal-flus)
      tromba (tat-temp) u tromba (li tittawwal minnha fil-bogħod)
 
2) Omografi: kliem bl-istess kitba imma b’ħoss differenti
eż. kaħħal  (verb) u kaħħal  (nom)
      baħħar (verb) u baħħar (nom)
 
3) Omofoni: kliem bl-istess ħoss u b’kitba differenti
eż. xahar (tal-kalendarju) u xagħar (ta’ fuq rasna)
      dahar (li nserrħu) u dar (fejn noqogħdu)
        
Mela:
dar (nom) u dar (verb) huma omonimi IMMA dar (nom) u dahar (nom) huma omofoni.