Mistoqsija u Tweġiba 20

staqsiMinn Olvin Vella

Nikteb “nexfin” jew “nixfin”? “Beżlin” jew “biżlin? “Kesħin” jew “kisħin”? Jew it-tnejn?

Dawn l-għażliet tajbin kollha.

Niktbu “hu niexef”, “hu bieżel”, “hu kiesaħ”. Meta rridu niktbu fuqna, niktbu “aħna nixfin” jew “aħna nexfin”.

Li qed jiġri huwa li t-tieni sillaba “-fin” għandha vokali twila u għalhekk il-vokali twila “-ie-” tal-ewwel sillaba rridu nqassruha. Il-vokali “-ie-” nistgħu nqassruha billi niktbu “-i-” jew “e”. Għalhekk huma tajbin iż-żewġ għażliet, bħal “kesħin” jew “kisħin”.

Hija l-istess raġuni għala naraw miktub “ma kenux” u “ma kinux”; “żmenijiet” u “żminijiet”.

Is-suġġeriment tagħna lill-għalliema huwa li meta xi waħda minn dawn l-għażliet donnha tibda tintrabat ma’ pronunzja djalettali jew ma’ pronunzja qadima (eż. “żmenijiet”), jagħżlu l-forma li tirrifletti l-pronunzja tal-Malti Standard Modern. Fi kliem ieħor, isegwu l-intwizzjoni tagħhom. Ngħidu aħna, illum qajla tiltaqa’ ma’ kotba ġodda li jġibu kliem bħal “misserijiet” (flok “missirijiet”) kif konna naraw fil-kotba ta’ dari.

Huwa minnu li ż-żewġ forom huma korretti, imma lkoll naqblu li waħda minnhom qed tinqata’ mit-taħdit bil-Malti Standard Modern.

Mistoqsija u Tweġiba 19

staqsiMinn Olvin Vella

Jeżistu <mall-> u <bill->?

Ma nistgħux niktbuhom hekk. It-tajbin huma mal- u bil- biss.

Il-prepożizzjonijiet huma ma’ u bi.

Meta magħhom inżidu l-artiklu l-, isiru mal- u bil-. Bħalhom niktbu tal-, sal-

Min jiżbalja dawn it-tnejn aktarx jitfixkilhom mal-kitba għall- u bħall- .

Ninnutaw li niktbu mill- għax wara li ngħaqqdu minn u l- isseħħ assimilazzjoni u minflok minl- ngħidu (u niktbu) mill-.

Għalhekk, niktbu mill-ewwel imma mal-ewwel.

Mistoqsija u Tweġiba 18

staqsi

Minn Olvin Vella

Nikteb <serduk> jew <serduq>; <daħak> jew <daħaq>; <ċagħak> jew <ċagħaq>? 

Serduk u serduq it-tnejn jinstemgħu fil-Malti Standard u għalhekk niktbuhom skont kif ngħiduhom. L-istess il-pari: daħak ~ daħaq; ċagħak ~ ċagħaq.

Jista’ jkun, imma għadha ma saret l-ebda riċerka, li waħda minnhom qiegħda kulma jmur tintrabat ma’ xi djalett reġjonali u għalhekk biż-żmien hija ssir djalettali u l-oħra tibqa’ fl-istandard. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ riċerka ma nistgħux nitkellmu fis-sod.

Is-suġġeriment tagħna huwa li jkollna komma wiesgħa u naċċettawhom it-tnejn.

Mistoqsija u Tweġiba 16

staqsiMinn Olvin Vella

Nikteb <xiehda> jew <xhieda>?

Niktbu xhieda biss, kif insibu fid-Deċiżjonijiet 1.

(1) Tony u Rita nstemgħu bħala xhieda l-Qorti.
Hawnhekk, xhieda hija nom fil-plural. Niktbuha fuq il-mudell bdiewa.
Is-singular ta’ xhieda huwa xhud.

(2) Ix-xhieda tagħhom ġiet emmnuta.
Hawnhekk, xhieda hija nom verbali. Niktbuha fuq il-mudell ndiema.

(3) Huma telgħu jixhdu l-Qorti ta’ Għawdex.
Il-verb xehed nibnuh fuq fetaħ. Niktbu jixhdu bħalma niktbu jiftħu.