Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jorganizza s-sitt kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti. Dan il-kors universitarju ta’ sena, part-time, se jibda fi Frar 2011. Il-lezzjonijiet huma ta’ tliet sigħat u jsiru darbtejn fil-ġimgħa, it-Tnejn u l-Ħamis filgħaxija.

Il-kors hu ideali għal kull min juża l-Malti miktub f’xogħlu (xandir, riklamar u stqarrijiet, traduzzjonijiet, rivisti, pubblikazzjonijiet u siti elettroniċi) u għal min jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti.

L-applikazzjonijiet fetħu u jintlaqgħu sal-14 ta’ Jannar 2011. Il-programm tal-kors issibu minn dan is-sit elettroniku. Għal tagħrif ieħor dwar il-kors  tista’ tikteb hawn.

L-istudenti li qed isegwu dan il-kors dejjem qed jiżdiedu. Fil-fatt, sal-lum ikkwalifikaw 144 qarrej tal-provi tal-Malti, minn oqsma differenti.

Wara Jum Dun Karm 2010…

Il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Festi Nazzjonali u d-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni tellgħu ċerimonja simbolika f’ġieħ Dun Karm maġenb il-monument tiegħu, il-Furjana. Għal din iċ-ċerimonja attendew is-Segretarju Parlamenti taż-Żgħażagħ u Sport, l-Onorevoli Clyde Puli, is-Sindku tal-Furjana s-Sur Nigel Holland, is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ is-Sur Alfred Grixti, u uffiċjali mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.
 
Nifirħu lill-iskola primarja tal-Furjana u l-kor tat-tfal tagħha li kantawlna l-Innu ta’ Filgħodu u l-Innu Nazzjonali. Nifirħu wkoll lill-istudenti kollha li taw sehemhom għal din l-okkażjoni, b’mod speċjali lil Sara Vella mill-iskola ta’ St Joseph, Tas-Sliema, li qrat L-Innu ta’ Filgħodu; lil Charlton Mifsud u Brandon Sciberras mill-iskola F.X. Attard, il-Marsa, mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca li qraw Żewġ Qronfliet; lil Jake Farrugia mill-iskola tas-Seminarju, ir-Rabat, li qara Lil Malta, u lil Jessica Galea mill-iskola Sekondarja tal-Bniet, mill-Kulleġġ Santa Margerita li qrat Malta Ġawhra tal-Mediterran.
 
Għal din l-okkażjoni nnutajna li ġew bosta nies oħra kif ukoll rappreżentanti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Arti u l-Kultura, u mill-Akkademja tal-Malti. Ġew ukoll studenti minn bosta skejjel u kulleġġi fosthom: il-Kulleġġi San Ġorġ Preca, Santa Margertita, Sant’Injazju, is-Seminarju tar-Rabat, St Joseph ta’  Tas-Sliema, u Giovanni Curmi tan-Naxxar.
 
Is-Sur Joseph P. Borg mexxa din iċ-ċerimonja.

Ara l-album bir-ritratti ta’ din l-attività minn hawn [ppt]

Nifirħulhom

Nifirħu lill-Iskola Sekondarja tal-Bniet ta’ Bormla, tal-Kulleġġ Santa Margerita, tal-inizjattiva sabiħa tagħhom f’ġieħ Dun Karm u l-Innu Nazzjonali.

Il-lapida li fiha l-kliem tal-Innu Nazzjonali u li tinsab fid-daħla tal-iskola kienet marret biż-żmien u bis-saħħa tas-Sur Vincent Bonnici ġiet irrestawrata mill-ġdid. Għall-kxif tal-lapida, il-Kap tal-Iskola, is-Sur James Camilleri, bl-għajnuna tal-Assistenti Kapijiet, is-Sinjuri Joe Ellul, Frans Borg u Doreen Costa u bl-għajnuna tal-għalliema, organizzaw ċerimonja simbolika li għaliha attendew l-Onorevoli Stephen Spiteri, l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur Stephen Cachia, u uffiċjali mid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

 

Ħadna pjaċir nisimgħu l-kant tal-Innu Nazzjonali minn kor ta’ studenti tfajliet, immexxijin mill-għalliema Joanna  Mallia u Jacob Portelli.  Prosit ukoll lill-għalliema tal-Malti u l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, is-Sur George Mifsud, li ħejjew lill-istudenti għal din iċ-ċerimonja. 

Nieħdu pjaċir nilqgħu dawn l-istedniet li matulhom inħossuna lkoll magħqudin u kburin li aħna Maltin. Jalla jkollna aktar inizjattivi sbieħ bħal dawn.