Bosta għalliema staqsewna xi nsejħulhom il-forom ewlenin li jintużaw fl-ewwel snin tal-primarja. Fit-taqsimiet tal-kinder u tal-ewwel u t-tieni sena tal-primarja għandkom xi preżentazzjonijiet biex tużawhom fil-klassijiet tagħkom.
Inħeġġukom biex tgħallmu lit-tfal dawn il-forom bi lsienna.
Nifirħu lis-Sur Olvin Vella li għamel taħdita interessanti ħafna fuq kif kienu jitkellmu l-Maltin fl-antik. It-taħdita kienet ibbażata fuq riċerka li s-Sur Vella ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin. It-taħdita saret l-ewwel darba fl-1 ta’ Diċembru 2012, u tant kien hemm nies, li reġgħet saret fl-24 ta’ Jannar 2013.
Prosit tassew lis-Sur Vella għal ħidmietu u nħeġġuh biex jagħmel aktar minn dawn it-taħditiet interessanti fuq ilsienna.
Dan l-aħħar iltaqjna mal-ġenituri tal-istudenti ta’ żewġ skejjel primarji. Tkellimna magħhom fuq ir-regoli tal-Malti u fuq diffikulatjiet li huma jsibu meta jkunu qed jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tad-dar tal-Malti. Nirringrazzjaw lill-ġenituri li ġew u li tant ipparteċipaw b’entużjażmu. Kien ta’ pjaċir kbir għalina li niltaqgħu magħhom.
Nirringrazzjaw ukoll liż-żewġ kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, is-Sa Rita Azzopardi mill-Iskola ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, u lis-Sur Lorian Busuttil Naudi mill-Iskola tal-Fgura B tal-Kulleġġ San Tumas More.
Jekk tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, ix-xahar id-dieħel se jerġa’ jiftaħ il-Kors fil-Qari tal-Provi. Din is-sena se jkun offrut f’Malta u f’Għawdex ukoll. L-Għawdxin li jixtiequ jirfinaw l-ortografija tagħhom inħeġġuhom biex jaħtfu din l-opportunità u japplikaw għall-kors ta’ Għawdex.
L-applikazzjonijiet miftuħin bħalissa u jintlaqgħu matul il-perjodu regolari sa nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar. Wara, jibqgħu jintlaqgħu bil-kundizzjonijiet tal-applikazzjonijiet tard.
Dan il-kors universitarju, part-time, hu twil sena u huwa organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors mhuwiex biss għall-għalliema tal-Malti imma għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jinteressah dan il-qasam tal-lingwa.
Għal aktar dettalji ara din iċ-ċirkulari u idħol hawn.
L-għalliema u l-ġenituri kienu ilhom jistaqsuna għall-alfabett Malti kantat. Bis-saħħa tal-Iskola Primarja San Franġisk ta’ Birkirkara issa għandna verżjoni sabiħa tal-alfabett tagħna kantat mill-kor tat-tfal Ilħna Ferrieħa tal-istess skola.
L-idea oriġinali tal-proġett kienet tal-Kap tal-Iskola Sr Giovannita Briffa. Il-kliem tal-kanzunetta huwa ta’ Pauline Spiteri u ta’ Sr Giovannita stess. Il-mużika kitbitha Pauline Spiteri. Il-kanzunetta ġiet irrekordjata minn Andrew Zammit f’Tone Studios, Birkirkara.
Nirringrazzjaw lill-ħbieb tagħna Thomas Pace, id-Direttur tal-Kunsill tal-Malti, u lil Maria Azzopardi, għalliema fl-Iskola Primarja San Franġisk tal-Imsida, li għamlu l-filmati li qed jidhru mal-kanzunetta.
Nirringrazzjaw ukoll lil Tania Mangion, Uffiċjal Edukattiv tas-Snin Bikrin, li għarrfitna b’din il-kanzunetta sabiħa.
Nistidnukom issemmgħu u turu din il-kanzunetta lit-tfal iż-żgħar biex jitgħallmu b’mod divertenti l-alfabett tagħna.