Ħolqien ta’ Kotba kbar, innovattivi u diġitali bil-Malti għat-tfal tas-Snin Bikrin u l-Primarja

Kotba kbarId-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u d-Dipartiment tat-Tagħlim Elettroniku beħsiebhom ikomplu jistampaw kotba kbar u innovattivi, u jagħtu aċċess bla ħlas lill-għalliema għal għadd ta’ kotba diġitali bil-Malti biex jintużaw fit-tagħlim tal-Malti fis-Snin Bikrin u tal-Primarja. Għal dan il-għan id-Dipartiment waqqaf Kumitat biex jieħu ħsieb jiġbor stejjer oriġinali, jagħżel minnhom l-aħjar u jistampahom bħala kotba kbar jew innovattivi, jew jiżviluppahom bħala kotba diġitali jew applikazzjonijiet għat-tablets. L-istejjer għandhom ikunu ħfief, mexxejja, miktuba b’Malti sabiħ u idjomatiku, u jitkellmu fuq affarijiet li għandhom għal qalbhom it-tfal bħal-logħob, il-festi, il-vaganzi, (bħall-Karnival, l-Għid u l-Milied), l-annimali, il-familja, il-ħbieb, in-natura, karattri veri jew mistħajla, il-mużika, l-isport, iż-żfin, il-kant, u stejjer mistħajla tal-ħolm u l-fantasija.
L-istejjer li jintbagħtu jridu jkunu oriġinali, pjaċevoli għat-tfal, marbutin mad-dinja tat-tfal tal-lum, iqisu kif it-tfal iħarsu lejn il-ħajja, iħeġġu lit-tfal jistħajlu u/jew jirriflettu, ikollhom attitudni miftuħa lejn kulturi u reliġjonijiet oħra u jħaddnu l-prinċipji tal-ugwaljanza soċjali. L-għalliema tal-klassi, kumplimentari, peripatetiċi, tal-litteriżmu, il-KGAs u l-LSAs li ħolqu stejjer u/jew illustrazzjonijiet li jmorru magħhom għat-tfal minn 8 sa 11-il sena huma mistiedna jibagħtu l-istejjer u l-illustrazzjonijiet tagħhom lis-Sur David Muscat, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun sa nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Frar 2016.
Għal aktar informazzjoni aqra ċ-ċirkulari CM019.  Tista’ tikteb ukoll lis-Sur Muscat fl-indirizz elettroniku david.muscat.4@ilearn.edu.mt jew iċċempel 25982907.

Korsijiet ta’ Aġġornament Volontarju fil-Malti għas-sena skolastika 2015-2016

It-Taqsima tal-Malti tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għal darb’oħra ser jorganizzaw sensiela ta’ korsijiet volontarji għall-għalliema, l-LSAs, il-KGAs, l-edukaturi, il-ġenituri u l-pubbliku. Dawn il-korsijiet huma maħsuba kemm għal dawk li jħossu l-ħtieġa li jitgħallmu l-Malti u/jew isaħħu l-għarfien tagħhom fil-Malti, kif ukoll għal dawk li jridu jidħlu aktar fil-fond fl-għarfien tal-istrutturi lingwistiċi tiegħu.
Il-korsijiet se jsiru bejn Frar u Mejju 2016 u jieħdu sitt ġimgħat, b’lezzjoni ta’ sagħtejn, darba fil-ġimgħa. Barra l-parti teoretika jkun hemm ukoll ħidma prattika. Tagħrif dwar iIl-korsijiet offruti, flimkien ma’ deskrizzjoni qasira tagħhom, jinsabu fl-aħħar DCM 024 – Korsijiet ta’ Aġġornament Volontarju fil-Malti għas-sena skolastika 2015-2016
Dawk kollha li jixtiequ jattendu, inkluż dawk li kienu diġà nkitbu għal xi kors is-sena l-oħra, għandhom jibagħtu ittra elettronika jew postali b’isimhom u kunjomhom, in-numru tal-identità, l-indirizz postali, in-numru tat-telefown/mowbajl, l-iskola fejn jgħallmu u liema kors jixtiequ jattendu. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat lis-Sur John Farrugia fl-indirizz john.b.farrugia@gov.mt jew iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Joe Abela Scolaro, il-Ħamrun, ĦMR 1304 sa nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Jannar 2016.
Min ikun irid aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lill-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti fuq wieħed minn dawn in-numri 25982914, 25982905 jew 25982907.
Il-korsijiet huma bla ħlas u jingħażlu l-ewwel tletin li japplikaw għal kull kors.
Min jattendi l-laqgħat kollha jingħata ċertifikat uffiċjali mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Kors fil-Kitba bil-Malti – Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Hand with red pen proofreading by laptopIx-xahar id-dieħel (Frar 2016) id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu l-ħdax-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti. Il-kors, minbarra li se jiftaħ f’Malta, qed jerġa’ jkun offrut ukoll f’Għawdex.
Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, maħsub għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess għadd ġmielu ta’ għalliema, segretarji u skrivani tal-iskejjel u l-kulleġġi, impjegati u voluntiera tal-parroċċi, il-kunsilli lokali u ta’ diversi għaqdiet f’Malta u Għawdex. Il-kors imfittex ħafna mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku u l-Privat.
Għal aktar tagħrif ara ċ-ċirkulari: DCM 016/2016 jew il-ktejjeb fuq il-kors mis-sit tal-Universita’ ta’ Malta.