Issa li wasalna f’nofs is-sena skolastika, nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk l-għalliema li minn żmien għal żmien għoġobhom jaqsmu r-riżorsi maħluqa minnhon ma’ għalliema oħra li jużaw dan is-sit. Nixtiequ wkoll li dan is-sit iservi ta’ vetrina għax-xogħol u l-prattiċi tajbin li ħafna għalliema tal-Malti fis-sekondarji, kif ukoll għalliema fil-primarji, ikunu qegħdin iħaddmu fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Għalhekk jekk wieħed iżur is-sezzjoni ta’ dan is-sit Vetrina, se jkun jista’ jara ritratti marbutin ma’attivitajiet ta’ tagħlim kif ukoll esibizzjonijiet li jippromwovu x-xogħol tal-istudent. L-għan huwa li naqsmu ideat ta’ kif jista’ jiġi esibit ix-xogħol tal-Malti tal-istudent, li ngħinu sabiex jinħoloq ambjent isbaħ għall-klassi fejn isir it-tagħlim tal-Malti u jimmotiva lill-istudent, kif ukoll sabiex iħeġġeġ għalliema oħra jaqsmu magħna l-prattiċi u l-ideat tajbin fejn jidħol it-tagħlim tal-Malti. Għalkemm ħafna mir-ritratti jitkellmu waħedhom, oħrajn huma marbutin ma’ pedagoġija li se nkunu qegħdin nispjegawha fil-qosor.