Nitgħallmu Naqraw Flimkien – (Riżorsi fuq il-ħoss tal-ittri.)

Żewġ riżorsi għall-ewwel sena tal-primarja u għal studenti li għandhom diffikultà fil-qari bl-għan li l-istudenti jitgħallmu jaqraw l-ittri tal-alfabett u l-ħoss abbinat ma’ kull ittra. Jitgħallmu wkoll jgħaqqdu ittri biex jiffurmaw kliem sempliċi. Dan il-proġett sar mis-Sa Maria Spiteri fuq il-programm tal-qari bil-Malti ta’ Chris Bugeja.

Riżorsa 1:Riżorsa 2:Dawn ir-riżorsi jinsabu fil-paġna tal-Qari tal-Ewwel Sena tal-Primarja

Kampjun ta’ Skema tax-Xogħol u Riżorsi għat-3 Sena tal-Primarja

Riżorsi marbuta mal-Kors ta’ Aġġornament għat-Tielet Sena tal-Primarja għas-Sena Skolastika 2024-2025

Matul il-Kors t’Aġġornament għat-Tielet Sena tal-Primarja, l-għalliema tar-Riżorsi tal-Malti tat taħdita dwar ir-riżorsi tal-Malti li l-għalliema jistgħu jagħmlu użu minnhom fix-xogħol tagħhom. Il-pakkett ta’ riżorsi jinkludi l-kampjun tal-iskema ta’ xogħol għat-tielet sena u riżorsi marbuta miegħu. Nirringrazzjaw lil Josette Baldacchino li ħejjiet dawn ir-riżorsi.

Erba’ riżorsi ġodda marbuta ma’ testi letterarji taċ-ĊES 2025

Fuq is-sit malti.skola.edu.mt wieħed jista’ jsib erba’ riżorsi ġodda marbuta ma’ erba testi letterarji taċ-ĊES 2025.

Għall-Għaxar Sena 

Ħbiebi ta’ Karmenu Vassallo

 Is-smigħ tal-poeżija Ħbiebi

K13: Nikkummenta b’mod kritiku fuq testi letterarji.
KA13.3d: Nikkummenta b’mod kritiku bil-kitba b’rabta ma’ test letterarju billi nevalwa evidenza minnu.

Preżentazzjoni Analitika u Interattiva 

 

 

Għar Dalam ta’ Ġorġ Pisani 

Is-smigħ tal-poeżija Għar Dalam

K12: Napprezza l-funzjoni tat-tema/i f’testi letterarji.
K12.3ċ: Nevalwa kif il-vokabolarju b’rabta ma’ tema misjuba f’test letterarju jista’ jirrifletti epoka/i partikolari.

Preżentazzjoni bl-interpretazzjoni u l-analiżi ta’ Għar Dalam

 

Għall-Ħdax-il Sena

F’Altamira Żewġ Barrin ta’ Victor Fenech

 Is-smigħ tal-poeżija F’Altamira Żewġ Barrin

K13: Nikkummenta b’mod kritiku fuq testi letterarji.
KA13.3ċ: Nevalwa l-effett tal-kwalitajiet ta’ test letterarju b’lingwa teknika preċiża.

Preżentazzjoni Interattiva u Analitika

Ħuta ta’ Maria Grech Ganado

 Is-smigħ tal-poeżija Ħuta

K12: Napprezza l-funzjoni tat-tema/i f’testi letterarji.
KA12.3b: Nispjega kif tema/i u sottotema/i jiżviluppaw u jinteraġixxu flimkien biex joħolqu effett wieħed u kumpless fil-qarrejja.

Preżentazzjoni Interattiva u Analitika

 

Biex tara r-riżorsi kollha marbuta mal-eżami taċ-ĊES 2025 żur il-paġna tar-riżorsi tal-eżami taċ-ĊES 2025

Aġġornament fil-Karta tal-Eżami Annwali tal-11-il sena – 2025

It-Taqsima tal-Malti tad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar qed toħroġ gwida ta’ kif se tkun imfassla l-karta tal-eżami tal-11-il sena skont is-sillabu aġġornat taċ-ĊES 2025, inkluż l-Appendiċi. Din il-gwida tidħol fis-seħħ għall-eżami annwali ta’ Marzu 2025.

L-eżami tal-11-il sena se jkun maqsum f’żewġ sessjonijiet: il-karta tal-oral (10 minuti) u l-karta tal-kitba (sagħtejn).
1. L-Oral (12-il marka) – Dan isir f’sessjoni għalih f’ġurnata differenti.
2. Il-Qari u l-Kitba (88 marka) f’sessjoni waħda.

L-Oral se jikkonsisti:
i. qari mgħajjat ta’ paragrafu mis-silta (2 marki);
ii. tweġib u diskussjoni fuq il-mistoqsijiet marbuta mat-test moqri (5 marki);
iii. diskussjoni fuq tema megħjuna bl-użu ta’ stampa (5 marki).

L-istudenti se jingħataw 10 minuti ta’ preparazzjoni qabel għall-qari, il-mistoqsijiet u d-diskussjoni.

Il-Qari u l-Kitba se tikkonsisti minn:
i. L-istudenti se jingħataw erba’ titli b’erba’ ġeneri differenti tal-kitba twila minn fejn jagħżlu. Il-kriterji tal-kitba se jkunu dawk imsemmija fis-sillabu taċ-ĊES aġġornat f’Lulju 2024 (240-270 kelma għal-livell 1-2, u 270-300 kelma għal-livell 2-3). L-istudenti jridu jagħżlu u jiktbu fuq titlu wieħed (22 marka). Il-ġeneri tal-kitba li jistgħu jiġu assessjati fl-eżami annwali huma dawk li saru mid-9 sal-11-il sena. Importanti li l-għalliema jħarsu lejn il-kriterji stabbiliti tal-ġeneri tal-kitba li jinsabu f’Appendiċi 5.
ii. Fehim il-Qari bil-mistoqsijiet referenzjali u inferenzjali, kif ukoll mistoqsijiet oħra li jittrattaw kriterji tal-assessjar mill-kisbiet tal-ħila tal-qari (22 marka);
iii. Eżerċizzju tal-morfoloġija u eżerċizzju tas-semantika. It-tipi differenti ta’ eżerċizzji li jistgħu jsiru għal din it-taqsima jinsabu f’Appendiċi 1 (22 marka);
iv. Fil-parti tal-letteratura se jkun hemm żewġ taqsimiet: taħriġ fuq test mhux imħejji (unseen text) u komponiment letterarju (150 kelma għal-livell 1-2 u 200 kelma għal-livell 2-3). F’din il-parti l-istudenti jridu jwieġbu ż-żewġ taqsimiet. Għall-unseen text, l-istudenti se jwieġbu xi mistoqsijiet li jittrattaw il-kontenut, ir-referenza għat-test, l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tal-poeżija jew tan-novella, il-metrika jew il-prosodija misjuba fihom, u l-effetti li jinħolqu permezz tagħhom. Għall-komponiment letterarju, l-istudenti se jingħataw żewġ titli u jridu jagħżlu wieħed biex jagħtu l-fehma u r-reazzjoni tagħhom fit-tul. Importanti li l-għalliema jirreferu għal Appendiċi 3 għal-lista tat-termini letterarji u Appendiċi 4 għal-lista tax-xogħlijiet letterarji (22 marka).

Dawk l-għalliema li jkollhom xi mistoqsijiet jew diffikultajiet għandhom jitkellmu mal-Kap tad-Dipartiment tal-kulleġġ jew mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti.

Dan kollu huwa inkluż fiċ-ċirkulari tas-7 ta’ Jannar 2025 – DELH 004 /2025: Karta tal-eżami tal-11-il sena.

Merħba fis-Sit malti.skola.edu.mt

Featured



Il-ħsieb ewlieni ta’ dan is-sit huwa li jaqdi lill-għalliema tal-kinder, tal-primarja  u tas-sekondarja fit-tagħlim tal-ilsien sabiħ tagħna u jgħin lill-ġenituri u lill-istudenti jitgħallmu u jieħdu gost bil-lingwa tagħna. Għaldaqstant, jekk għandek xi mistoqsija fuq il-Malti, tista’ tibgħathielna. Jekk, mill-banda l-oħra, għandek xi riżorsi għat-tagħlim tal-Malti u tixtieq taqsamhom magħna, ibgħathomlna, u dawn jitilgħu fis-sit f’ismek.

Dejjem tagħkom,

Carlston Grima, Doreen Coleiro, George Mifsud u Stefan Borg

Uffiċjali Edukattivi tal-Malti